Wednesday, July 24, 2024

Suċċess wara l-ieħor għal KHS Academy … matul dan tmiem il-ġimgħa qed tintlagħab il-KHS Cup

Aqra wkoll

Matul dan tmiem il-ġimgħa qed tintlagħab il-KHS Cup, tournament internazzjonali riservat għaż-żgħażagħ fejn 12-il tim qed jieħdu sehem fih u li qed jintlagħab fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa.

Fi grupp 1 hemm Porto, AS Montarnaud, Luqa St Andrew’s, Ħamrun Spartans, Pieta’ Hotspurs u Knowhowsoccer filwaqt li grupp 2 hu kompost minn AS Roma, FK Kumanovo Euro, Swieqi United, Kerċem Ajax, Hibernians u Attard FC.

Kif wieħed jista’ jara mill-ismijiet, hemm żewġ timijiet rinomati Roma u Porto li flimkien mal-Maċedoni ta’ Kumanovo u l-Franċiżi ta’ AS Montarnaud għażlu li jiġu jikkompetu f’Malta għal dan it-tournament.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Marko Glumac wieħed mill-kowċis u anke organizzatur ta’ din il-kompetizzjoni li bħalissa għaddejja fil-Marsa.

“Bla dubju li f’dawn l-aħħar sentejn konna ferm impenjati hekk kif organizzajna 17-il turnament u kull xahar kellna timijiet differenti fuq livell ta’ żgħażagħ. Kellna turnew għat-tfajliet li ntemm riċentement apparti li kellna timijiet ta’ livell għoli fosthom Liverpool, Inter, Juventus, Roma, Sporting Lisbon, Porto, Borussia Monchengladbach u ħafna iktar. Dan nagħmluh bl-akbar passjoni għax inħobbu l-futbol u fuq kollox naraw aktar żgħażagħ mill-akkademji tagħna jkollhom esperjenza ma’ dawn it-timijiet rinomati.”

Glumac qal li ħafna timijiet ġew u reġgħu ġew għax jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni tagħhom biex jilagħbu dawn it-tip ta’ logħob. It-temp u l-klima jgħin ħafna sabiex dan kollu jseħħ speċjalment fix-xhur kesħin tax-xitwa fejn f’pajjiżi oħra jkun nieżel is-silġ. 

Meta saqsejnih dwar is-sigriet ta’ dan is-suċċess, Glumac qal li dan kollu jfisser xogħol iebes li qed iseħħ apparti li biż-żmien inbnew kuntatti b’saħħithom ma’ diversi kollegi u kollha kellhom l-istess valuri, dak li apparti li tkun mawra kompetittiva, jkun hemm ukoll l-element turistiku, xi ħaġa li Malta żgur għandha biex tiftaħar.

“Il-fatt li Malta hi milħuqa sew mill-aġenziji u kumpaniji tal-ajru ewlenin juri li diversi minn dawn il-kompetizzjonijiet internazzjonali jistgħu jseħħu u l-isbaħ ħaġa hu li jogħġobhom il-post u jerġgħu jiġu.”

Glumac qal li minkejja li l-faċilitajiet jistgħu mhux dejjem ikunu tal-aqwa kwalita’, iżda minkejja kollox qed jiġu plejers żgħażagħ li jiġu minn plejers oħra famużi bħalma ġara fl-istaġun li għadda meta kien hawn f’Malta Ricardo Quaresma. Illum il-ġurnata għandna l-pjaċir nospitaw lil Alessio Cerci li hu l-kowċ tat-tim ta’ Roma ta’ taħt id-9 snin. Dan kollu hu riklam għal pajjiżna u li kif jaraw il-potenzjal li hawn jerġgħu jiġu u dan ikattar aktar it-turiżmu.

Ekonomija

Sport