Sunday, May 19, 2024

Sue Abela u Kenneth Arpa jirbħu l-Kampjonati Nazzjonali BOV tal-Bowling 2022

Aqra wkoll

Sue Abela u Kenneth Arpa ġew inkurunati champions tal-Kampjonati Nazzjonali BOV tal-Bowling 2022.

Il-Kampjonati Nazzjonali BOV intlagħbu fi tmiem il-ġimgħa b’format ġdid u aktar ta’ sfida, fejn intlagħbu tliet blokki separati ta’ 8 logħbiet f’kull jum tal-kompetizzjoni, b’kull wieħed ikollu mudell taż-żejt uniku, ġdid. Il-plejers kienu pprojbiti milli jippruvaw xi wieħed minn dawn il-mudelli ġodda qabel il-kampjonat.

Arpa u Abela żammew l-ewwel post fil-kategoriji rispettivi tagħhom mill-bidu sal-aħħar, b’vantaġġ komdu fuq il-bqija tal-kompetituri tagħhom sat-tmiem.

Kenneth Arpa assigura r-raba’ Kampjonat Nazzjonali tiegħu b’mod dominanti – spiċċa b’vantaġġ ta’ 256 pin fuq ir-runner-up Nicholas Muscat. Arpa kien rebaħ il-kampjonat nazzjonali lura fl-2002, 2004, u 2009 rispettivament. Bir-rebħa ta’ din is-sena, hu sar l-ikbar champion nazzjonali fl-istorja tal-bowling Malti fl-eta’ ta’ 53 sena – 20 sena wara l-ewwel rebħa tiegħu. Bir-rebħa tiegħu, Arpa ġab fi tmiemha s-serje ta’ 5 snin ta’ Mauro Anastasi, b’dan tal-aħħar jispiċċa fit-3 post din is-sena.

Sue Abela kisbet is-26 titlu ta’ Kampjonat Nazzjonali tagħha din is-sena u b’mod simili għal Arpa, kienet fuq quddiem mill-bidu sal-aħħar. Abela kellha vantaħħ ta’ 106 pin fuq Cynthia Frendo Duca wara 24 logħba u Melissa Swift fit-3 post b’267 pin. Abela rebħet l-ewwel titlu nazzjonali tagħha lura fl-1987 fejn issa rebħet mill-inqas żewġ titli f’kull wieħed mill-aħħar ħames deċennji (1980s, 1990s, 2000s, 2010s, 2020s); L-itwal renju tagħha bħala ċ-champion nazzjonali femminili ta’ Malta kien fuq medda ta’ 11-il sena mill-2005 sal-2015. Wara r-rebħa tagħha, Abela stqarret li hija sodisfatta ħafna u motivata biex tiddefendi t-titlu attwali tagħha tal-Kampjonat Ewropew bħala ċ-champion nazzjonali ta’ Malta.

Ernest Agius, Chief Operating Officer fil-Bank of Valletta, akkumpanjat mill-President tal-MBA Edward Mifsud ippreżenta t-trofej lir-rebbieħa.

“Il-Bank of Valletta jemmen bis-sħiħ fil-benefiċċji għas-saħħa li jipprovdu l-isport u l-attività fiżika u huwa sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta bħala parti mill-impenji ESG tiegħu,” qal is-Sur Agius filwaqt li feraħ liċ-champions. “Il-forma ta’ dawn iż-żewġ atleti fuq numru kbir ta’ snin huma sinjal ta’ perseveranza u impenn, fejn komplew jiżviluppaw il-ħiliet u t-tekniċi tagħhom biex jiffaċċjaw sfidi ġodda.”

Sport