Friday, April 26, 2024

Suq tal-Milied b’differenza… ċelebrazzjoni ħajja tal-abbiltajiet

Aqra wkoll

Din is-sena, dawk li jixtiequ jżuru suq tal-Milied b’differenza m’għandhomx jitilfu dak li qed jiġi organizzat għada fiċ-ċentru tas-SAPPORT ta’ Fleur De Lys bejn il-5.00 u l-10.00 p.m. Mhux biss l-atmosfera tal-Milied se tkun waħda mill-isbaħ, talli hemm bosta x’wieħed jara u anke x’jixtri biex iżejjen id-dar fi żmien il-Milied. 

Minn xħin tidħol, tilqgħek ir-riħa tfuħ ta’ mulled wine magħmul bla alkoħol u ma’ dan l-eċitament tal-persuni b’diżabilità li ilhom għal bosta xhur u ġimgħat jorganizzaw biex itellgħu din l-attività. 

Fil-fatt, kienu attivi fil-kumitat organizzattiv li ppjana din l-attività u anke kellhom sehem attiv biex ħadmu oġġetti tal-artiġġjanat bħal fuħħar, presepji, oġġetti tal-injam, xemgħat, fradal, dekorazzjonijiet u anke ikel u xorb tradizzjonali tal-Milied, bħal pastini tal-lewż, kejkijiet u qagħaq tal-għasel. 

Filwaqt li ma nixtiqux nixkfu ħafna minn dak li se ssibu, tajjeb tkunu tafu li mad-dħul se ssibu atmosfera ta’ innijiet tal-Milied, filwaqt li tistennew biex tidħlu bil-mod u tippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin ħalli żgur tkun protetta s-sigurtà ta’ kulħadd.

Minn hemm ‘il quddiem għożżu u apprezzaw dak kollu li kienu kapaċi joħolqu madwar 38 persuna b’diżabilità minn dan iċ-ċentru u l-istaff li jaħdmu magħhom. Nawguralkom li tieħdu pjaċir u li tħossu l-eċitament li qegħdin iħossu dawn il-persuni b’diżabilità filwaqt li jieħdu sehem f’din l-attività

Sport