Friday, July 26, 2024

MAFA: Swieqi Braves jitilgħu fil-quċċata wara rebħa minima

Aqra wkoll

Swieqi Braves telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA hekk kif b’gowl uniku skorjat f’nofs it-tieni taqsima kien biżżejjed sabiex jirbħu liċ-champion Senglea Gunners.

Ma kinitx xi logħba daqshekk pjaċevoli speċjalment fl-ewwel taqsima bil-logħob li beda jiżvolġi f’nofs il-grawnd.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel għalkemm fil-51 minuta, Swieqi Braves marru minn fuq fejn wara kontrattakk veloċi, kien Yuri Barboza li xeħet wara l-goalkeeper Jurgen Cilia.

Lejn tmiem il-partita, Swieqi spiċċaw jilagħbu b’għaxra min-nies wara t-tkeċċija ta’

Minkejja l-vantaġġ numeriku, it-tim mill-Kottonera naqsu milli japprofittaw sabiex sofrew it-tieni telfa minn erba’ logħbiet.

Referee kien Reno Galea.

Balluta Barracudas baqgħu jżommu l-konsistenza tagħhom fl-ogħla diviżjoni hekk kif għelbu lil Valletta Stars St Dominic 3-1.

Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-tim immexxi minn Shaun Tortell wara r-rebħa kontra Valletta St Paul’s il-ġimgħa l-oħra.

Il-Cudas mal-ewwel ħarġu aggressivi u impenjaw serjament lill-goalkeeper ta’ Valletta Stars.

Min-naħa tagħhom, il-Beltin bdew joperaw bil-kontrattakki għalkemm sabu lid-difiża avversarja ferm attenta.

Balluta marru minn fuq eżatt lejn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Kain Gauci sabiex fit-tieni taqsima żiedu tnejn oħra permezz ta’ Jake Chetcuti li skorja doppjetta.

Lejn l-aħħar tal-logħba, Valletta Stars ingħataw penalty li ġie skorjat minn Mohamed Abdoukadir.

Referee kien Peter Abela.

Fit-tieni diviżjoni, il-leaders Għaxaq Wolves sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Attard Edex Kings.

Kienet partita bejn żewġ timijiet li fl-istaġun li għadda ġew promossi mit-tielet diviżjoni li xi kultant żvolġiet xi ftit nervuża biż-żewġ naħat li kellhom plejer kull wieħed imkeċċi.

Għaxaq marru minn fuq wara biss minuta minn Sebastian Nayar sabiex lejn l-aħħar tal-logħba, Jossue Braham Garcia ġab l-iskor indaqs għal Attard Edex Kings.

Referee kien Lorry Sammut.

Żebbuġ Youngsters kisbu l-ewwel punt tal-istaġun meta ġew draw ta’ 1-1 kontra Gudja Wanderers.

Il-logħba laħqet il-qofol tagħha fl-aħħar minuta tal-ewwel taqsima meta ġew skorjati ż-żewġ gowls li kkaraterizzaw il-partita.

Fl-34 minuta, Gudja Wanderers marru fil-vantaġġ permezz ta’ Kurt Borg sabiex minuta wara, Nigel Bugeja ġab l-iskor indaqs għal Żebbuġ Youngsters.

Minkejja li ż-żewġ naħat ippruvaw kemm felħu fit-tieni taqsima, l-iskor baqa’ ma nbidilx.

Referee: CJ Saliba

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Naxxar Victorians u Ħamrun Amateurs temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 0-0.

Kienet logħba bejn żewġ timijiet li se jkunu kandidati għall-promozzjoni finali. F’din il-logħba, id-difiżi rispettivi kienu l-protagonisti bl-attakkanti li ftit setgħu isibu l-ispazju neċessarju.

Referee kien Ian Xuereb.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI 

Swieqi Braves 7, Balluta Barracudas 6, San Ġiljan Saints, Marsa St Michael 4, Valletta St Paul’s, Senglea Gunners 3, Valletta Stars 1, San Ġwann Pro Evolution Academy 0. 

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 7, Gudja Wanderers 5, Attard Edex Kings 4, Ta’ Ġiorni Wanderers 3, Mqabba Albions, Birkirkara St Joseph 2 Żebbuġ Youngsters, Buġibba Club de SWAT 1. 

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

 Ħal Far Titans 6, Ħamrun Amateurs, Naxxar Victorians 4, Mosta Vikings, Kalkara Flames 0.

Ekonomija

Sport