Sunday, December 22, 2024

Ta’ 12-il sena sabulha tumur… “Dr Calvagna kien ta’ spalla kbira għall-ġenituri tiegħi”

Aqra wkoll

Meta Jessica kellha 12-il sena fl-2002 kienu sabulha tumur, liema tip ta’ kanċer ġeneralment ma jkunx fuq it-tfal iżda fuq nisa ikbar fl-età.

F’messaġġ fuq il-paġna ta’ Puttinu Cares, hija qalet li ħadet il-chemo u kellha tagħmel operazzjonijiet. Għal grazzja t’Alla, illum il-ġurnata Jessica għandha 23 sena, miżżewġa u għandha tifla ta’ tmien snin.

“Dr. Calvagna kien ta’ spalla kbira għall-ġenituri tiegħi f’dak iż-żmien kif ukoll wara flimkien ma’ team kollu ta’ nurses, tobba u t-tim ta’ Puttinu,” qalet Jessica.

Hija żiedet tgħid: “Il-kelma grazzi mhux biżżejjed ta’ kemm jagħmlu għall-pazjenti u l-familji tagħhom. Fil-Ġimgha l-Kbira ċemplu waqt il-maratona ta’ Puttinu biex il-proġett taċ-Ċentru ta’ Londra jsir realtà.”

Puttinu Cares beda l-ħidma f’Ottubru 2002 bl-iskop li jnaqqas it-tbatija tat-tfal morda bil-kanċer.

Matul is-snin, in-numru ta’ pazjenti li jsiefru għall-kura żdied ferm. Bħalissa, bejn 60 u 90 pazjent isiefru l-Ingilterra kull xahar, u għalhekk inħass il-bżonn ta’ aktar apartmenti, din id-darba fiċ-ċentru ta’ Londra.

Puttinu Cares jinsab fl-aħħar fażjiet sabiex jagħlaq ix-xirja ta’ binja ġdida. Din il-ħolma tista’ biss issir realtà bis-saħħa tiegħek.

Ekonomija

Sport