Wednesday, December 25, 2024

Table-tennis: John Sciberras il-president il-ġdid tal-MTTA

Aqra wkoll

John Sciberras ġie elett bħala l-president il-ġdid tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Table Tennis wara laqgħa ġenerali straordinarja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti f’Tal-Qroqq.

Sciberras mhux wiċċ ġdid għall-isport lokali hekk kif serva ukoll bħala segretarju ġenerali tal-Federazzjoni Maltija tat-tennis.

Sciberras ma ġiex ikkontestat u għalhekk inħatar b’mod unanimu sabiex imexxi din l-assoċjazzjoni. Sadanittant Kevin Cutajar inħatar bħala viċi-president b’Paul Cordina li se jservi ta’ segretarju ġenerali. Edmar Diacono inħatar bħala t-teżorier filwaqt li Jesmond Xuereb se jservi r-rwol ta’ uffiċjal tal-kompetizzjonijiet.

Lejn l-aħħar ta’ din il-laqgħa ġenerali straordinarja, Sciberras irringrazzja lill-membri kollha tal-fiduċja li wrew fih u saħaq li se jaħdem sabiex il-komunita’ tat-table tennis tkompli tikber u fuq kollox li ssaltan l-għaqda fost il-membri.
Sciberras ippropona wkoll lil Noel Schembri bħala membru onorarju ta’ din l-assoċjazzjoi hekk kif ilu jservi għal iktar minn 40 sena u għadu attiv sal-lum il-ġurnata. Hu kien anke co-opted fil-kumitat minħabba l-esperjenza li jħaddan f’dan l-isport.

Il-laqgħa ġenerali straordinarja kienet immexxija mis-segretarju ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Kevin Azzopardi akkumpanjat mid-direttriċi għall-isport Charlene Attard u d-direttriċi għall-iżvilupp taż-żgħażagħ Johanna Grech.

Mill-banda l-oħra, il-proċess tal-voti kien taħt skrutinju kontinwu mill-membri tal-Kummissjoni Elettorali b’Edmund Mifsud li kien iċ-chairman b’Nicholas Sciberras u Jurgen Pisani bħala membri oħra.

Kien hemm ukoll emenda fl-istatut tal-MTTA dwar il-governanza tajba kif stabbilit mill-awtoritajiet sportivi li wkoll ġie approvat b’mod unanimu.

Ekonomija

Sport