Friday, April 26, 2024

Futsal: Lija A. u Mtarfa F. jgħaddu għall-finali tal-Enemed Women’s Futsal League

Aqra wkoll

Lija Athletics A u Mtarfa Futsal se jikkontestaw il-finali tal-play-offs tal-Enemed Women’s Futsal League wara li kisbu rebħiet importanti fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.

Lija Athletics A pattewha sportivament lil Swieqi United wara t-telfa fil-kompetizzjoni KO hekk kif għelbuhom 4-2. Huma rnexxielhom idawru telfa f’rebħa wara li kellhom it-tieni taqsima perfetta sabiex qatgħu l-passaġġ għall-finali.

Vanessa Carneiro u Dana Fuentes kienu fetħu vantaġġ doppju għal Swieqi iżda Lija kienu kapaċi jdawru l-iskor favurihom b’gowls ta’ Michela Felice, Irena Drugovic, awtogowl ta’ Krista Montfort u Izabella Camilleri.

Referees kienu Stephen Vella u Luca Formosa.

Mtarfa għelbu lil Lija Athletics B 2-1 sabiex kisbu post fil-finali.

Anke Mtarfa kienu qed jitilfu iżda kienu kapaċi jwettqu reazzjoni sabiex ħadu dak li riedu.

Bibi Amaya poġġiet lil Lija minn fuq iżda Mtarfa dawru telfa f’rebħa grazzi għall-gowls ta’ Janice Pace u Demi Magrin.

Referees kienu Stephen Vella u Andrea Naudi.

Il-finali bejn Lija Athletics A u Mtarfa Futsal se tkun l-aqwa minn tliet logħbiet bl-ewwel konfront li jintlagħab nhar il-Ħamis 18 t’April bit-tieni partita ssir ġimgħa wara. Jekk ikun hemm bżonn jintlagħab ukoll it-tielet konfront li hu skedat fit-2 ta’ Mejju bil-logħbiet isiru fil-Padiljun ta’ De La Salle.

Sport