Monday, May 20, 2024

TAF TKUN KRUDILA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Id-demokrazija parlamentari hi l-aħjar għodda biex tiżgura li r-rieda tal-poplu titwettaq billi l-gvern jitmexxa skont ix-xewqat tal-maġġoranza. Imħaddma tajjeb, tagħraf tagħżel id-deputati li huma l-aħjar biex jistinkaw ħalli l-aspettattivi tal-eletturi jintlaqgħu u jitħaddmu.

Madankollu, id-demokrazija taf tkun krudila. Fit-tħaddim tagħha, jidħlu mekkaniżmi li jagħżlu min se jkunu l-kandidati f’elezzjoni. Mhux il-pajjiżi kollha għandhom l-istess arranġament għal dan. F’Malta, minkejja l-kritika li nagħmlu lilna nfusna, nemmen li m’għandniex x’niddejqu b’kif norganizzaw l-affarijiet.

F’pajjiżi membri oħra tal-UE, il-partiti jagħżlu lista limitata ta’ kandidati u l-mod kif jagħżluhom fuq lista jindika ċar min se jitla’, u min se jibqa’ l-art. Jagħmlu dan skont kriterji relatati mat-tattika politika li t-tmexxija tagħhom tkun ħadet. Jiġri (bħal ma qed jiġri fil-Parlament Ewropew) li jintgħażlu kandidati li ftit ikollhom x’jaqsmu mal-ħidma parlamentari u jitneħħew nies li jkunu wettqu ħafna xogħol fiha.

Iltqajt ma’ uħud li ġralhom hekk. Kienu dejjem għaddejja fi Brussell u fi Strasburgu, u ħadmu tajjeb. Imma sa minn qabel l-elezzjoni, tneħħielhom kull ċans li jsostnu ħidmiethom.

KIF MAR GĦAWDEX?

Saqsewni dan l-aħħar kif mar Għawdex kemm ilna li sirna membri tal-Unjoni Ewropea.

Li tgħid li fl-aħħar 20 sena, il-ħajja f’Għawdex tjiebet hi evidenza. Li minn dal-fatt tasal biex tgħid li dan it-titjib ġara minħabba s-sħubija fl-Ewropa tkun ridikolaġni. Pilastru ewlieni li fuqu kienet tippernja l-ħajja f’Għawdex – il-biedja – żgur li qala’ daqqa kbira. Il-ħidma li l-aktar żdiedet ġrat fit-turiżmu u fuq kollox, fil-bini għall-barranin (fosthom minn Malta).

Hu dan li kellha ġġib magħha l-Unjoni Ewropea? U kemm hu minnu li t-turiżmu żdied minħabba s-sħubija fl-Ewropa?

PEPRIN

Reġa’ wasal l-istaġun tal-peprin. Meta kont żgħir kien malajr jinfirex mal-għelieqi Maltin fil-ġimgħat ta’ bejn l-aħħar ta’ Marzu u nofs Ġunju. Kont tarah kullimkien. Biż-żmien, donnu beda jonqos. Il-bini tiela’ forsi kien qed joħnoqlu l-ispjazju fejn jinfirex. Illum tara xi ftit fjuri tielgħa għal rashom maġenb it-toroq sekondarji, rari f’roqgħa sħiħa.

Mhux hekk fil-bliet ta’ Strasbourg u Brussell – jieħdu posthom f’irkejjen tal-ġonna publiċi, injorati veru mqabbla mal-meded tal-fjuri li jinsabu hemm b’mod “uffiċjali”. Imma għandhom grazzja fl-umiltà tagħhom li l-oħrajn ma jurux. U jdumu fil-ħajja aktar minn f’Malta fejn is-sħana qawwija mill-bidu tas-sajf bla xita tnixxifhom kmieni.

Igħiduli li l-familja botanika tal-peprin tant hi mqabbda tajjeb li minkejja t-tisħin tal-klima hi bogħod milli tispiċċa meqruda għal kollox. M’inix daqstant konvint u nemmen li ma nagħmlux ħażin li naraw kif nagħtu spalla lill-peprin ħalli jerġa’ jinfirex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport