Saturday, November 23, 2024

Taħriġ mill-Juventus Academy permezz ta’ kamp sportiv f’Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret il-kumpless tal Luxol Ground fejn segwiet lit-tfal jitħarrġu u pparteċipat fiċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Juventus  Training Academy. 

Dan il-kamp ta’ taħriġ (training camp) kien mifrux fuq ħamest ijiem u l-għan tiegħu hu li jħarreġ it tfal fit-teknika tal-futbol waqt li jagħmlu ħbieb ġodda u jkollhom esperjenza mill-viċin tat-taħriġ kif  isir fil-kumpless tal-Juventus f’Turin. Dan sar minn tim tekniku ta’ coaches barranin mill-Juventus  Academy u bl-assistenza ta’ xi coaches lokali.  

Kull coach ħa ħsieb massimu ta’ 15-il plejer b’total ta’ 120 tifel li l-età tagħhom tvarja bejn 5 u 17-il  sena. Ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji bħat-temperatura u diżinfettar tal-apparat. Bejn is sessjonijiet it-tfal kienu offruti ikel f’ambjent professjonali sportiv. 

Dan l-avveniment kien possibbli grazzi għas-sapport mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bl-għan li  tinġieb il-brand Juventus f’Malta, filwaqt li ssir promozzjoni barra minn Malta u mal-Juventus stess  li m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni anke għall-fatt li għandhom miljuni kbar ta’ segwaċi. Dan  huwa fost sensiela ta’ ftehim kummerċjali li l-awtorità diġà għandha ma’ brands u persuni oħra  rinomati fil-kamp sportiv, inkluż dak li Malta hija attwalment id-destinazzjoni uffiċjali ta’ klabb ieħor  rinomat, dak tal-Manchester United. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li din hija  esperjenza unika għat-tfal tagħna. Apparti minn hekk, dan huwa mod ta’ kif insaħħu t-turiżmu sportiv  f’pajjiżna bl-għan li jiġu parteċipanti u familji minn barra minn Malta apposta għal dan l-avveniment  u jgawdu minn dak li għandu x’joffri pajjiżna. “Dan hu mod ieħor kif inkomplu nirreklamaw lil  pajjiżna fuq livell internazzjonali f’ambjent mill-iżjed professjonali,” sostniet il-Ministru Farrugia  Portelli.  

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia qal li huwa unur li  nġiebet Malta mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu din il-brand prestiġjuża li tkompli tgħolli l-profil  ta’ pajjiżna barra minn xtutna. Żied jgħid li jinsab ottimist li dan il-proġett ikompli jikber u jrendi fiż żmien li ġej grazzi għal edizzjonijiet oħra futuri.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima żar ukoll it-training  camp, u stqarr kemm hu importanti l-investiment fit-tfal tagħna, bl-għan li jitħarrġu ma’ klabbs  professjonisti grazzi għal opportunitajiet bħal dawn li jgħinu lit-tfal fiżikament, teknikament u  mentalment. Żied jgħid li t-titjib u l-iżvilupp tal-faċiltajiet sportivi madwar Malta huwa imperattiv  biex inkomplu nilqgħu entitajiet u professjonisti barranin.

Sport