Sunday, December 22, 2024

Taħriġ obbligatorju għall-ħaddiema barranin

Aqra wkoll

Waqt il-laqgħa politika f’Għawdex, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħaddiema barranin li hawn jgħixu f’pajjiżna u anke dawk li huma beħsiebhom li jiġu jaħdmu hawn.

Qal li se tkun qiegħda ssir liġi b’saħħitha ħafna li tikkontrolla u jkun hemm regoli stretti dwar il-barranin li jiġu f’pajjiżna.

Dr Abela semma kif fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern kompla jikkonsulta anke mal-imsieħba soċjali biex tidħol liġi u tirregola l-aġenzii li jġibu persuni barranin jaħdmu Malta.

“Regoli stretti. M’hemmx lok li biex igawdu l-ħafna, ibatu l-ftit. Se jkollna liġi soda. Liġi kontra l-abbuż. Liġi kontra min irid jaqla’ l-flus ta’ malajr minn fuq in-nies. Bl-istess mod tkellimt fuq ir-riforma li trid isaħħaħ il-kwalità fit-turiżmu. Naf kemm tħobbu l-prodott Għawdxi. Naf ukoll kemm hawn negozji f’dan is-settur li jagħtu kollox b’sens ta’ kburija qawwija tal-identità Għawdxija u Maltija,” tenna l-Prim Ministru.

Qal li dawk il-ħaddiema kollha li jridu jidħlu f’pajjiżna u jaħdmu hawn se jkollhom bżonn jattendu taħriġ speċjalizzat u jkun wara dan it-taħriġ li jiġu aċċettati. Sostna li dawk il-ħaddiema barranin kollha li diġà jinsabu f’pajjiżna, qabel ma jkollhom il-permess tax-xogħol tagħhom imġedded iridu juru ċertifikati li jkunu attendew b’suċċess taħriġ simili.
Il-Prim Ministru spjega wkoll numru ta’ deċiżjonijiet biex l-awtoritajiet jikkontrollaw is-sehem ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi.

Enfasizza wkoll il-bżonn ta’ awtoritajiet Maltin li jkunu huma fil-kontroll. “Anke jien, hekk nemmen u hekk se jsir. Awtoritajiet li jagħżlu huma mal-poplu x’għandu bżonn Għawdex u Malta. Li ma jistax ikun li nħallu lis-suq isuq. Imma li rridu naħsbu fil-ġid komuni”.

Irrefera wkoll għal żjara li għamel f’fabbrika f’Malta fejn “Waħda mid-diskussjonijiet li kelli kienet dwar il-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi barranin. Innutajt il-mod rispettuż dwar il-mod kif ħaddiema Maltin jitkellmu dwar kollegi tagħhom li huma barranin”.

Stqarr li dawn il-ħaddiema Maltin jafu li biex il-kumpanija tagħhom tkompli tikber hemm bżonn ta’ ħaddiema barranin. Qal li meta kien qiegħed jitkellem ma’ wieħed mill-kbarat tal-fabbrika qallu li għall-ewwel kien hemm sfidi meta bdew deħlin il-ħaddiema barranin, l-aktar minħabba l-kulturi u r-reliġjonijiet differenti, imma l-ħaddiema fehmu dawn l-affarijiet u llum hemm armonija kbira bejn il-ħaddiema.

“Ġiet l-armonija bejn il-ħaddiema wara li l-ħaddiema Maltin indunaw li l-kumpanija li timpjegahom bdiet tagħti opportunitajiet aqwa lilhom u anke kellhom iċ-ċans li javvanzaw fil-karriera tagħhom. Hemm il-ħaddiema fehmu li mhux minnu li meta jiġu l-ħaddiema minn barra l-pajjiż se jkunu qegħdin jeħdulhom posthom jew li minħabba fihom jitbaxxew il-kundizzjonijiet tagħhom,” saħaq il-Mexxej Laburista.

Ekonomija

Sport