Friday, November 15, 2024

“Taħt ħaddieħor kienu mdorrijin bis-second hand, aħna investejna u se nkomplu ninvestu fil-Protezzjoni Ċivili”

Iħabbar li dalwaqt tasal f’pajjiżna opra tal-baħar oħra b’investiment ta’ €2 miljun

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jitkellem dwar l-investiment fil-Protezzjoni Ċivili, il-Ministru għall-Intern , is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri  qal li fl-aħħar sentejn il-vetturi fi ħdan id-Dipartiment żdiedu b’37 vettura. Il-Ministru qal li dan in-numru pjuttost kbir jikkuntrasta ferm mal-apparat second hand li kien iġib ħaddieħor.

Spjega li l-investiment ivarja minn vetturi high rise buldings sa inġenji li jgħaddu minn toroq dojoq. Tkellem dwar postijiet bħalma huma l-Birgu u l-Imdina u l-bżonn ta’ vetturi li joffru serħan il-moħħ lin-nies ta’ dawn il-postijiet ukoll.

Tkellem dwar realtajiet differenti bejn żoni industrija u r-residenzjali. Camilleri qal li nar kbir f’żoni industrijali tirrikjedi realtajiet li llum grazzi għal investiment li sar, il-ħaddiema jistgħu jaħdmu f’tali kundizzjonijiet. Qal li fl-aħħar mill-aħħar, tali investiment jikkonferma kemm pajjiżna huwa attraenti għal industriji li jagħżlu li jonfqu miljuni f’investiment f’pajjiżna. Sostna li dan l-investiment jgħin biex l-investituri jingħataw is-serħan il-moħħ li f’każ ta’ inċidenti li sfortunatament jiġru, jeżistu uffiċjali attrezzati biex jipproteġu lill-ħaddiema u lill-industriji tagħhom.

Kompla biex jispjega li fl-aħħar snin ngħatat importanza kbira għall-irwol tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-baħar, xi ħaġa li fil-passat ma tantx kellha. “Ninsab fi stat li nħabbar li daqt tasal Malta opra oħra tal-baħar b’investiment ta’ €2 miljun li tkun tista’ għajnuna immedjata meta jkun hemm bżonn salvataġġ fuq il-baħar minn ħaddiema tal-protezzjoni ċivili meta jintalbu biex jagħtu l-assistenza flimkien ma entitajiet oħra”, ħabbar il-Ministru waqt li kompla jitkellem dwar l-importanza ta’ aktar investiment fid-Dipartiment li ta’ kuljum jgħin f’diversi okkażjonijiet fuq l-art u fuq il-baħar.

Dwar ir-riżorsa uman, il-Ministru qal li dan il-gvern bejn l-2020 u llum investa ftit aktar minn €350,000 fit-taħriġ biex l-uffiċjali jsaħħu l-abbiltajiet tagħhom għax inutli tinvesti fl-apparat jekk il-ħaddiem ma jkunx jaf jużah. Hawnhekk huwa żied jgħid li l-pjan hu li l-investiment fit-taħriġ jiżdied b’€150,000 oħra biex ikompli jsir it-titjib fl-abbiltajiet ta’ dawn il-ħaddiema.

“Imbagħad għandek il-parti marbuta mal-kundizzjonijiet. Dawn il-ħaddiema, speċjalment dawk li ilhom hemm, jiftakru żmien is-second hand, mhux biss il-vetturi, imma anke ilbies protettiv li jidħlu fin-nar bih”, fakkar il-Ministru waqt li tkellem dwar kif gvern Laburista poġġa mal-unjins u kien approvat Ftehim Kollettiv li lil dawn il-ħaddiema jagħtihom kundizzjonijiet li jixirqulhom. Huwa qal li kull ħaddiem ħa mill-inqas €1,000 żieda fid-dħul bażiku tiegħu, kien hemm ħaddiema li għolew skala b’mod progressiv u tejbu wkoll il-pensjonijiet tagħhom. Huma ngħataw ukoll il-kunċett ta’ 40 siegħa xogħol fejn f’dan il-ftehim, il-ħaddiema qegħdin jitħallsu tal-ħin li jaqbeż dawn is-sigħat, meta qabel kienu jaħdmu aktar minn 40 siegħa mingħajr ma jitħallsu ta’ ċertu sigħat.

Il-Ministru Camilleri qal dan kollu waqt li kien qiegħed jitkellem dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Ordinanza dwar l-Esplożivi u l-Liġijiet Varji dwar il-Protezzjoni Ċivili. Tkellem dwar realtajiet fejn persuna tweġġa’ serjament il-pieni huma fuq l-istess livelli għal meta ma jkunx hemm konsegwenzi. Camilleri spjega li permezz ta’ din l-emenda se jinħoloq bilanċ bejn ir-reat u l-piena. Huwa qal li min juża logħob tan-nar żgħir fil-pubbliku se jkun żgurat li ma jkunx qiegħed joħloq periklu. 

“Magħna dawn il-ħaddiema jafu fejn qegħdin għax wettaqna bidliet kbar u għad fadlilna xi nwettqu. Jafu li għandna r-rieda politika biex inwettquhom għax għandna l-kredibbiltà. Dak li ma għamilx ħaddieħor f’25 sena għamilnih aħna fi ftit snin”, tenna Camilleri.

Ekonomija

Sport