Wednesday, April 24, 2024

It-total ta’ tfal mejta fit-traġedja tal-istadium fl-Indoneżja jlaħħaq it-32

Aqra wkoll

Mill-inqas 32 tifel u tifla mietu fit-tgħaffiġ tat-traġedja li seħħet fl-istadium fl-Indoneżja waqt il-logħba bejn Arema u Persebaya li dawn tal-aħħar rebħu bl-iskor ta’ 3-2. 

It-traġedja tas-Sibt filgħaxija fil-belt ta’ Malang rat total ta’ 125 persuna maqtula u 323 oħra midruba wara li uffiċjali tal-pulizija sparaw gass tad-dmugħ fi stadium ippakkjat biex irażżnu invażjoni ta’ partitarji rrabjati wara li t-team tagħhom safa megħlub mir-rivali eterni. 

Bil-paniku li nħakem minħabba l-gass tad-dmugħ, l-istess partitarji riedu jaħarbu minn fuq il-post bil-konsegwenza li bosta mietu taħt it-tgħaffiġ minħabba r-rassa. 

Għexieren ta’ tfal li nqabdu fil-kaos tilfu ħajjithom, qal uffiċjal fil-ministeru għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-protezzjoni tat-tfal.

“Mill-aħħar informazzjoni li rċevejna, minn 125 persuna li mietu fl-inċident, 32 minnhom kienu tfal, bl-iżgħar ikun tifel ta’ tlieta jew erba’ snin,” qalet stqarrija.

Hekk kif ir-rabja żdiedet kontra l-pulizija, il-ministru tas-sigurtà tal-Indoneżja, Mahfud MD, ħabbar li ġiet iffurmata task force biex tinvestiga u sejjaħ biex dawk responsabbli jiġu kkastigati.

“Tlabna lill-pulizija biex tiżvela min wettaq ir-reati biex tittieħed azzjoni mmedjata u nittamaw ukoll li l-pulizija nazzjonali tevalwa l-proċeduri tas-sigurtà tagħhom,” qal fi stqarrija.

Il-forza tal-pulizija keċċiet lill-kap lokali tagħha f’Malang fi ftit sigħat wara d-diskors tal-ministru.

Il-pulizija tal-Lvant ta’ Java ssospendiet ukoll disa’ uffiċjali fuq struzzjoni tal-forza nazzjonali tal-pulizija, qal il-kelliem tal-pulizija nazzjonali, Dedi Prasetyo f’konferenza stampa, mingħajr ma pprovda dettalji dwar ir-rwol tagħhom fit-traġedja.

Bil-pulizija u l-uffiċjali sportivi fi triqthom lejn Malang biex jinvestigaw, il-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Indoneżja (Komnas HAM) ikkritikat bl-aħrax lill-uffiċjali għal din it-traġedja. 

“Li kieku ma kienx hemm gass tad-dmugħ, forsi ma kienx ikun hemm kaos,” qal il-kummissarju Choirul Anam.

Sport