Waqt li kompliet d-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, id-deputata Laburista Rosianne Cutajar qalet li sfortunatament is-soċjetà tagħna falliet ma’ numru ta’ nisa.
Spjegat li għalkemm mhijiex xi waħda li ssegwi kull kumment li jidher fuq il-midja soċjali, hemm bżonn li l-vjolenza u l-abbuż jiġu kkundannati dejjem.
“Mhux l-ewwel darba nisimgħu b’xi każ xokkanti ta’ mara li tkun sfat imsawta jew maqtula u nara kummenti bħal tajba din mhux hi ntefgħet ma’ iswed”, kompliet Cutajar filwaqt li qalet li hawn nies li jużaw skużi banali biex jiddefendu lill-aggressur u ma jissimpatizzawx mal-vittma.
Cutajar kompliet tgħid li meta qasmet l-esperjenza personali tagħha, kien hemm nisa oħrajn li qalu li qiegħda tagħmel għaġeb jew qiegħda tipprova tiġbed is-simpatija.
Hija qalet li hi għamlet dan biex toħloq kuxjenza għax jekk kien hemm xi ħadd li ħaseb li jista’ jagħti fastidju membru parlamentari mara, aħseb u ara x’jaħseb li jista’ jagħmel lil xi tfajla ta’ 18-il sena.