Saturday, November 23, 2024

“Tajjeb li wieħed jimxi mal-istruzzjonijiet mogħtijin mill-awtoritajiet tas-saħħa”

Aqra wkoll

“Tajjeb li wieħed jimxi mal-istruzzjonijiet mogħtijin mill-awtoritajiet tas-saħħa. U dan japplika kemm għall-Maltin u kif ukoll għall-barranin.” Hekk saħaq qarrej tagħna li waqt li kien l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ra persuni jistennew titjira li jew ma kinux lebsin maskra, jew inkella kellhom il-maskra mniżżla taħt geddumhom.

Il-qarrej żied jgħidilna li tajjeb li l-awtoritajiet tas-saħħa jżidu l-emfasi wkoll fuq l-aspett edukattiv biex kulħadd ikun konxju tal-importanza li wieħed isegwi dawn l-istruzzjonijiet bil-għan li l-virus ma jkomplix jinxtered fil-komunità.

Intant illum il-każi attivi f’pajjiżna telgħu għal 881 wara li kienu rapportati 93 każ ġdid minn fost 2,257 swab test mentri 31 oħra fiequ mill-virus. 

Aktar kmieni llum sar magħruf li anzjan ta’ 71 sena huwa l-44 vittma tal-Covid-19 f’pajjiżna. L-anzjan iddaħħal l-Isptar Mater Dei fit-8 ta’ Settembru u ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fil-21 ta’ Settembru. Il-Ministeru għas-Saħħa qal li matul dawn l-aħħar jiem l-anzjan kellu testijiet negattivi għall-Covid-19, madankollu xorta waħda kien qed juri sintomi relatati mal-Covid-19 u għaldaqstant baqa’ jitqies bħala każ attiv tal-Covid-19.

L-anzjan kien deskritt ukoll bħala li kien ibati minn kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

Sport