Monday, November 4, 2024

Talab lill-Maġistrat jibgħatu l-ħabs għax kien bil-ġuħ u ried jinħasel

Aqra wkoll

Abdi Aziz Hasan Ibrahim ta’ 32 sena ġie kkundannat għal 30 xahar ħabs wara li fl-aħħar jiem inqabad ibigħ il-kannabis u d-droga sintetika.

L-akkużat minbarra li ammetta l-akkużi kontrih, talab lill-Maġistrat Ian Farrugia biex jikkundannah għal ħabs għax kien ħafna bil-ġuħ u anke ried jinħasel.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kien inqabad nhar il-Ħamis li għadda bid-droga fi ġnien fil-Marsa. L-Ispettur Sarah Zerafa qalet li fuq kien hemm 28 pakkett tad-droga li kollha kienu moħbija fil-qalziet ta’ taħt. Hu kien qed iġorr €180 fi flus kontanti

L-Ispettur qalet li l-akkużat kien diġa l-ħabs hekk kif kien instab ħati ta’ akkużi simili dawk tal-lum. Skont informazzjoni li ħarġet fil-Qorti hu skonta s-sentenza tiegħu f’Diċembru li għadda, u hekk kif ħareġ jidher li reġa’ qabad l-istess triq.
Hekk kif ammetta, talab lill-Qorti biex tgħinu jgħeleb il-vizzju tad-droga li minħabba dan il-vizzju qed jispiċċa jbiegħ id-droga biex ikun jista’ jsostni lilu nnifsu.

Il-Qorti filwaqt li kkundannatu 30 xahar ħabs, immultatu wkoll €1,000. Il-Maġistrat ordna lid-Direttur tal-Ħabs biex jgħin lil Ibrahim jibda programm ta’ kontra l-vizzju tad-droga.

Sport