Saturday, May 18, 2024

Papa Franġisku mistenni jkun preżenti għal quddiesa ta’ Ħadd il-Palm li ssir għada

Aqra wkoll

Papa Franġisku dalgħodu ħareġ mill-isptar wara li għal dawn l-aħħar 3 ijiem kien rikoverat minħabba problemi fin-nifs. Hu kien daħal għal rutina medika, iżda imbgħad spiċċa nżamm hemm għal aktar osservazzjoni.

Hekk kif ħareġ mill-isptar sab folla numeruża tistennih. Hu qallhom bit-tbissima “Jien għadni ħaj”.

Papa Franġisku li għandu 86 sena ddaħħal l-Isptar Gemelli f’Ruma nhar l-Erbgħa li għadda. Kien hemm biża’ li sa għada hekk kif il-Knisja tiċċelebbra Ħadd il-Palm Papa Franġisku mhux se jkun preżenti fi Pjazza San Pietru.

Iżda hu jinsab determinat li jkun preżenti għalhekk uffiċjali mill-Vatikan li tkellmu mal-midja internazzjonali qalu li jidher li Papa Franġisku se jkun preżenti biss u forsi jagħmel l-omelija, iżda mhux se jkun qiegħed iqaddes.

Għal Papa Franġisku l-jiem li ġejjin huma impenjati ħafna minħabba l-ħafna ċelebrazzjonijiet li hemm marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa. Fl-Għid il-Kbir, Papa Franġisku mistenni li jagħti l-Urbi et Orbi li hija l-barka fuq il-belt ta’ Ruma u fuq id-Dinja.

Mill-ġdid fuq il-midja soċjali reġa’ qamet kontroversja dwar jekk il-Papa għandux jirriżenja mill-kariga tiegħu minħabba li saħħtu tidher dejjem sejra lura. Iżda hu determinat li sakemm moħħu jibqa’ jagħtih, se jibqa’ jżomm din il-kariga.

Sport