Monday, December 23, 2024

Talbu għal protezzjoni wara kawża personali kontrihom

Aqra wkoll

Iċ-Ċerpersin tat-Tribunal Industrijali Harold Walls, flimkien mal-membri Dr Bryony Bartolo u Lawrence Mizzi u It-tliet membri fi Tribunal Industrijali talbu għall-protezzjoni f’ittra li kitbu lill-President ta’ Malta, lill-Prim Ministru u lis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali. Huma kitbu din l-ittra wara li infetħet kawża personali kontrihom minn Dr Jason Azzopardi u Dr Therese Comodini Cachia.

Il-każ imur lura diversi ġimgħat, meta dawn it-tliet membri fuq it-Tribunal Industrijali kienu ddeċiedew li l-grad tal-Learning Support Educators mhux distint minn dak tal-għalliema għax ilkoll huma edukaturi u għalhekk saret iċ-ċaħda għat-talba tal-Union for Professional Educators, UPE.

Wara, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachi fetħu kawża għall-UPE kontra l-membri tat-Tribunal b’mod personali.

F’ittra li bagħtu, Harold Walls bħala Chairperson tat-Tribunal Industrijali u Bryony Bartolo u Lawrence Mizzi bħala membri fl-istess Tribunal sostnew li fl-ebda proċeduri li fihom it-Tribunal iddeċieda fil-każ imsemmi ma ntalbet ir-rikuża tal-membri fuq it-Tribunal u kien wara d-deċiżjoni li ma għoġbotx lil min issa fetaħ kawża personali, li tqajmu dubji infondati dwar l-imparzjalità tat-Tribunal.

“Wieħed qatt ma sema’ b’xi każ fejn Imħallef jew Maġistrat individwali ġie mħarrek f’kawża minħabba sentenza li ta”, irrimarkaw it-tliet membri fuq it-Tribunal Industrijali.

It-tliet membri, li talbu għal protezzjoni quddiem attentat li wieħed iwerwer l-istituzzjonijiet, fakkru li l-indipendenza tat-Tribunal hija marbuta b’liġi li wieħed irid iżomm magħha u fakkru wkoll li l-ħatra tagħhom wasslet wara l-involviment fost oħrajn tal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.

It-tliet membri fuq it-Tribunal fissru l-kawża bħala attakk sorpriża u għalhekk talbu għall-protezzjoni.

Ekonomija

Sport