Wednesday, April 24, 2024

Talbu jqaddislu fil-funeral tiegħu … il-ħbiberija tagħhom tmur lura għexieren ta’ snin

Jingħata l-aħħar tislima l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras

Aqra wkoll

“Tislima ta’ ħabib lil ħabib. Tislima sempliċi lil bniedem li kien jgħożż u jgħix is-sempliċità. Tislima li ħierġa mill-qalb aktar milli mill-moħħ; bħalissa l-moħħ qisu jitqal b’ħafna ħsibijiet filwaqt li l-qalb tħossha aktar libera li tlissen dak li tħoss”.

Qal dan Dun Nikol Aquilina fil-bidu tal-omelija tiegħu tal-funeral tal-Eks Imħallef Philip Sciberras. Huwa ngħata l-aħħar tislima l-Ħamis li għadda fil-Knisja Arċipretali ta’ San Filep, f’Ħaż-Żebbuġ, ikkonċelebrata minn Dun Aquilina.

Il-Konċelebrant għamel referenza għal messaġġ li kien irċieva s-sena l-oħra minn Sciberras innifsu fejn kien talbu sabiex ladarba jħalli din id-dinja, ikun Aquilina stess li jqaddes il-quddiesa tal-funeral tiegħu.

“Għażiż Dun Nikol, it-tmiem tiegħi ma nafx meta hu, għalkemm ma jidhirx li hu fil-bogħod. Bir-rispett u b’umiltà nistaqsik, dejjem jekk tkun tista’, li tqaddes il-quddiesa f’jum mewti, tiġi meta tiġi. Jien ser nindifen f’raħal twelidi. Jekk jogħġbok taċċetta jkun ferm apprezzat…”

Huwa wieġbu minnufih u serraħlu moħħu li se jilqa’ t-talba tiegħu anke fid-dawl tal-ħbiberija ta’ bejniethom li tmur lura għexieren ta’ snin.

Dun Aquilina fisser illi l-messaġġ ta’ Sciberras ma kienx maħkum mid-disperament; għall-kuntrarju, Sciberras kien qed iqis it-tmiem tal-vjaġġ tiegħu f’din id-dinja bħala fenomenu naturali u universali.

F’dan il-waqt, il-Konċelebrant ħoloq tixbiha li permezz tagħha xebbah il-quddiesa tal-funeral mat-tqarbina tal-vjatiku: “ringrazzjament u pont li jgħaqqad din il-ħajja mal-ħajja ta’ dejjem”.

Huwa ddeskriva lill-Eks Imħallef bħala persuna bi stil ta’ ħajja pjuttost sempliċi, li dejjem għożż u ħabb lil dawk għeżież għalih. Fakkar ukoll li Sciberras, apparti l-karriera tiegħu fil-qasam ġudizzjarju, se jibqa’ mfakkar ma’ bosta bħala persuna b’kuxjenza soċjali, letterat bħala poeta, kif ukoll bniedem politiku.

Sport