Friday, December 13, 2024

Taqta’ xagħarha biex isiru parrokki tat-tfal wara li hija stess kienet tilfitu ħabba l-kanċer

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Nanna Ingliża, minn Retford, li għandha kważi 70 sena, aktar kmieni dan ix-xahar, iddeċidiet li tgħin lil dawk it-tfal li kawża tat-terapija li jgħaddu minnha xagħrhom jibda jaqa’.

Judy Bradford għażlet li tagħti xagħarha bħala donazzjoni lil Little Princess Trust biex dawn jipprovdu parrokki tat-tfal b’xejn li jkunu għaddejjin mill-kimoterapija jew qed jaffaċċjaw ruħhom ma’ sitwazzjoni li hija stess għaddiet minnha snin ilu.

Dan għaliex, proprju għoxrin sena ilu hija wkoll għaddiet minn sitwazzjoni simili wara li f’Diċembru tal-2001 hija kienet skopriet li kellha kanċer tas-sider. Minn hemmhekk hija kellha tagħmel sensiela ta’ terapija, fosthom kimoterapija, għal divesi xhur li wassal biex xagħarha jibda jeħfief u jaqa’.

Hija tirrakkonta kif meta kienet qed taħsel xagħarha tiftakar kif dan beda jaqa’ b’rata mgħaġġla u dan kollu kien jagħmilha ferm imdejqa.

Meta b’xorti t-tajba irkuprat mit-trattament, xagħarha wkoll beda jerġa’ jikber u jissaħaħ tant li setgħet tagħtih bħala donazzjoni peress li dejjem żammet il-kulur oriġinali ta’ xagħarha, li jfisser li qatt ma kellha bżonn tiżbgħu.

“Inqis ruħi bħala fortunata, mhux biss għax xagħri reġa’ kiber, iżda għax żamm il-kulur tiegħu, anke issa meta għandi kważi 70 sena. Minħabba li qatt ma żbajtu kont nikkwalifika biex nagħti donazzjoni, u l-fatt li kkontribwejt għal kawża speċjali bħal din hija xi ħaġa tassew sabiħa, b’mod speċjali minħabba l-esperjenza personali li jien stess għaddejt minnha,” qalet Judy.

Jipprovdu mal-2,000 parrokka kull sena lil tfal u żgħażagħ li tilfu xagħarhom 

B’rabta ma’ din l-istorja, Talk.mt għamel kuntatt ma’ Little Princess Trust u kelliem tagħhom spjega li bħala organizzazzjoni huma mhux biss jipprovdu xagħar iżda wkoll tama lit-tfal u ż-żgħażagħ billi tipprovdi parrokki u tiffinanzja riċerka vitali fil-kanċer tat-tfal.

Huwa qal li huma jipprovdu madwar 2,000 parrokka tax-xagħar veru kull sena lil tfal u żgħażagħ li tilfu xagħarhom stess minħabba trattament tal-kanċer jew minħabba kundizzjonijiet oħra bħall-Alopeċja.

It-tfal u ż-żgħażagħ megħjuna minn The Little Princess Trust ilkoll jaqblu kemm il-parrokki jgħinuhom biex jerġgħu jiksbu l-kunfidenza.

Il-kelliem qalilna li huma jistgħu jipprovdu dan is-servizz b’xejn bis-saħħa tal-persuni altruwisti li ħafna minnhom mhux biss jagħtu xagħarhom iżda wkoll jiġbru fondi biex jgħinu lill-karità.

Ix-xagħar irid ikun niexef u f’kundizzjoni tajba meta jinqata’ biex jiġi żgurat li jista’ jintuża f’parrokka.

Il-Little Princess Trust twaqqfet fl-2006 b’tifkira ta’ Hannah Tarplee. Sentejn qabel, hija kienet ġiet iddijanjostikata b’tumur u t-telf ta’ xagħarha għaliha kien trawmatiku.

Il-ġenituri tagħha ħasbu li l-aktar ħaġa li tagħti ġieħ lit-tifla ta’ ħames snin kien li jagħmlu organizzazzjoni ddedikata biex tipprovdi parrokki lit-tfal li tilfu xagħarhom minħabba l-kura tal-kanċer u kundizzjonijiet oħra.

B’hekk twieldet il-Little Princess Trust u din sa issa pprovdiet parrokki lil aktar minn 12,000 tfal u u żgħażagħ.

Ekonomija

Sport