Tarbija ta’ 11-il xahar ġiet salvata f’South Carolina, fl-Istati Uniti, wara li allegatament ittieħdet minn missierha u ndifnet ħajja f’gaġġa tal-klieb f’żona ta’ foresta. Is-salvataġġ seħħ wara tfittxija urġenti li involviet kważi 100 persuna.
Skont rapporti fil-midja Amerikana, it-tarbija nstabet f’kundizzjoni kritika, wara li huwa maħsub li kienet ilha madwar 24 siegħa midfuna taħt l-art.
Ix-Sheriff tal-Kontea ta’ Lexington, Jay Koon, qal li t-tarbija nstabet imgeżwra f’xugaman ġewwa gaġġa tal-klieb, midfuna f’fond relattivament baxx fil-foresta.
Huwa ddeskriva l-mument emozzjonanti meta t-timijiet tas-salvataġġ semgħu lit-tarbija tibki hekk kif bdew iħaffru fl-art.
It-tarbija kienet tħalliet taħt il-kura ta’ missierha, Michael Comer, ta’ 25 sena, fid-dar ta’ omm it-tarbija, waqt li din kienet qed tagħmel xi qadi.
Persuna oħra li kellha tieħu ħsieb lit-tarbija kienet fi triqitha lejn id-dar, iżda meta waslet sabet li kemm il-missier kif ukoll it-tarbija kienu sparixxew.
L-awtoritajiet irnexxielhom isibu lil Comer tard nhar it-Tnejn filgħaxija, fl-inħawi ta’ Batesburg-Leesville, iżda t-tarbija ma kinitx miegħu.
Minnufih bdiet tfittxija, li fiha ħadu sehem kważi 100 persuna, fosthom membri tas-servizzi ta’ emerġenza u timijiet ta’ salvataġġ.
Matul il-jum ta’ wara, waqt li kienu qed ifittxu fl-inħawi qrib id-dar ta’ missier Comer, il-ħaddiema nnutaw parti mill-art li kienet tidher li reċentement kienet tħaffret u reġgħet ġiet mgħottija.
Kien hawn li semgħu l-biki tat-tarbija. Ix-Sheriff iddeskriva l-operazzjoni bħala ġirja kontra l-ħin. It-tarbija ttieħdet immedjatament l-isptar, fejn għadha qed tingħata l-kura.
Intant, Michael Comer ġie arrestat mill-pulizija hekk kif għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ xokkanti.




