Parkeġġ  għal madwar 300 vettura u grawnd tal-futbol fir-Rabat Għawdex

Aqra wkoll

Il-proġett ta’ parkeġġ taħt l-art fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex, se jipprovdi spazju għal madwar 300 vettura, filwaqt li fuq il-parkeġġ se jinbena grawnd tal-futbol b’wiċċ ta’ ħaxix artifiċjali.

Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Frank Anthony Tabone.

Il-Ministru spjega li bħalissa hemm żewġ applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar marbuta ma’ dan il-proġett. L-applikazzjoni PA/04986/25 tirrigwarda l-iżvilupp tal-parkeġġ taħt l-art fuq diversi livelli u l-ġnien pubbliku, filwaqt li l-applikazzjoni PC/00004/26 hija relatata ma’ allinjament ġdid tat-triq.

Il-proġett huwa ppjanat li jsir fis-sit fejn illum hemm il-grawnd tal-futbol eżistenti, li se jiġi integrat mill-ġdid fil-pjanijiet ta’ żvilupp billi jinbena fuq il-parkeġġ taħt l-art.

Il-Ministru Camilleri spjega wkoll li, permezz tal-proġett tal-Victoria Park, flimkien ma’ dak propost fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, il-kapaċità tal-parkeġġ fiċ-ċentru tar-Rabat mistennija tilħaq madwar 600 spazju.

Minbarra li se jżidu l-faċilitajiet għall-parkeġġ, dawn iż-żewġ proġetti mistennija jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ aktar spazji pubbliċi miftuħa u ħodor.

L-għan huwa li titjieb il-kwalità tal-ambjent urban fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex u jinħolqu aktar postijiet rikreattivi li jkunu jistgħu jitgawdew mill-familji u mill-komunità.

Il-proġett tal-Victoria Parking Area għalhekk huwa maħsub biex jindirizza l-ħtieġa għal aktar spazji għall-parkeġġ filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura u l-ispazji pubbliċi fil-qalba tal-belt Għawdxija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport