Wednesday, November 11, 2026
Home Sport Assemblea Ġenerali Tal-MFA: 57,000 student jieħdu sehem fi programmi tal-football fl-iskejjel u...

Assemblea Ġenerali Tal-MFA: 57,000 student jieħdu sehem fi programmi tal-football fl-iskejjel u aktar minn 700 żagħżugħ involuti fil-proġett tar-Regional Hubs

0
30

Il-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, li oriġinarjament twaqqfet bil-għan li tħeġġeġ lit-tfal jesploraw l-imħabba tagħhom lejn il-football, qed toffri opportunitajiet lil studenti minn Malta u Għawdex biex jilagħbu u jkunu fiżikament attivi permezz ta’ lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika, kampjonati fl-iskejjel, festivals u sessjonijiet maħsuba biex itejbu l-kundizzjoni fiżika tagħhom.

Bejn is-snin skolastiċi 2022/23 u 2026/27, il-programmi tal-Fondazzjoni laħqu aktar minn 57,000 parteċipazzjoni minn studenti, filwaqt li ġew organizzati aktar minn 4,000 sessjoni mifruxa fuq 21 proġett u inizjattiva.

Il-football huwa wieħed mill-aktar sports popolari f’pajjiżna u t-tfal jibdew ikollhom kuntatt miegħu minn età żgħira. Għaldaqstant, il-Malta FA fasslet sistema biex tiggwida lit-tfal f’kull stadju tal-iżvilupp tagħhom u tħeġġiġhom jipprattikaw dan l-isport. Dawn il-programmi ġew organizzati bil-kollaborazzjoni ta’ SportMalta.

Il-programm Fun Fit Football ġab bidla sinifikanti fl-attivitajiet organizzati fl-iskejjel primarji tal-Istat u tal-Knisja. Ta’ min jinnota li 52% tal-istudenti li ħadu sehem f’dawn il-programmi kienu bniet, fatt li juri l-impenn biex it-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqs.

Il-Fondazzjoni nediet ukoll bħala proġett pilota l-programm Fun Fit 5, inizjattiva li toffri attività fiżika ta’ kuljum lill-klassijiet tal-Year 5.

L-istudenti għandhom ukoll l-opportunità li jipparteċipaw f’kampjonati tal-iskejjel fil-kategoriji ta’ taħt il-11-il sena, taħt it-13-il sena u taħt il-15-il sena, kif ukoll fil-Year 11. 

Min-naħa l-oħra, l-iSchool Olympic Football Festivals huma mmirati għal tfal bejn it-12 u l-15-il sena. Barra minn hekk, qed jiġu organizzati sessjonijiet tal-football għat-tfal bl-awtiżmu u festivals tal-beach soccer għall-istudenti tal-Year 6, biex ikollhom aktar opportunitajiet jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi.

Il-proġett Regional Hubs joffri opportunità għal taħriġ addizzjonali lil plejers żgħażagħ li jiġu identifikati permezz ta’ programm ta’ osservazzjoni u identifikazzjoni tat-talent. F’dawn iċ-ċentri, il-plejers jibbenefikaw minn sessjonijiet dwar in-nutrizzjoni, il-psikoloġija sportiva u appoġġ relatat mal-benesseri tagħhom.

Permezz ta’ dan il-proġett, aktar minn 700 plejer ingħataw l-opportunità li jitħarrġu f’ambjent professjonali u strutturat, li jgħinhom ikomplu jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, spjega li l-programmi fl-iskejjel u l-attivitajiet organizzati permezz tar-Regional Hubs għandhom rwoli differenti fl-iżvilupp tal-football.

Filwaqt li l-programmi fl-iskejjel jagħtu lill-istudenti aktar opportunitajiet biex jiskopru u jgawdu l-football u dixxiplini sportivi oħra, ir-Regional Hubs joffru lil players żgħażagħ magħżula aktar ħin ta’ taħriġ speċjalizzat fil-football, flimkien mal-appoġġ meħtieġ biex ikomplu jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom, b’kollaborazzjoni mal-klabbs rispettivi.

Huwa saħaq li ż-żewġ inizjattivi huma importanti biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-MFA, fosthom li t-tfal jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jiżviluppaw it-talent tagħhom u jsiru l-plejers ta’ għada.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here