Qed ikomplu javvanzaw ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ żvilupp tal-iskola Primarja tan-Naxxar, fejn is-sala multipurpose issa tinsab ukoll msaqqfa.
Din is-sala se tkun mgħammra bl-aqwa faċilitajiet u se toffri spazju adegwat lill-istudenti biex jesprimu t-talenti tagħhom permezz ta’ attivitajiet edukattivi, kulturali u kreattivi.
Aspett importanti ta’ dan il-proġett huwa li s-sala se tkun tista’ tintuża wkoll mill-komunità wara l-ħin tal-iskola, grazzi għal aċċess separat. B’hekk, l-investiment fl-infrastruttura edukattiva se jkun qed iservi mhux biss lill-istudenti, iżda wkoll lir-residenti u lill-komunità tan-Naxxar.
Dan il-proġett jirrifletti l-importanza li l-iskejjel ikollhom spazji moderni u funzjonali li joffru opportunitajiet aħjar għall-iżvilupp tat-tfal, filwaqt li jkomplu jsaħħu r-rabta bejn l-iskola u l-komunità.
Il-proġett tal-iskola Primarja tan-Naxxar qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programm ERDF.03.280.
