Sunday, October 27, 2024

TARIFFA K

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Il-kritika kontra l-iżviluppaturi żgur li qatt ma tonqos.  U ħafna drabi tkun ukoll ġusta. U bħalma kemm-il darba jiġri, ħu l-fama u mur orqod.  Min jiġi kkritikat spiss jispiċċa jasal f’punt fejn ħadd ma jitħassru u anke jekk forsi jkun vittma x’imkien ħadd ma jgħaddilu minn rasu li jista’ jkollu xi naqra raġun. 

Iżda fil-qasam tal-bini l-karattri s-suwed jistgħu ma jkunux biss l-iżviluppaturi nfushom.  Is-sitwazzjoni hija waħda kumplessa ferm u kull min għandu x’jaqsam mal-bini, kull min joħroġ ċertifikat u saħansitra kull awtorità u bord li għandu x’jaqsam jista’ jkollhom parti mit-tort.

Qabel il-Covid, meta l-ekonomija ma kellha ebda sfida u l-iżvilupp kien għaddej mill-aqwa żminijiet tiegħu persuni li jaħdmu fil-kostruzzjoni ġieli talbu prezzijiet id-doppju ta’ li suppost u anke it-tripplu. Ovvjament, jekk il-prezz ma jiġix aċċettat il-persuna tibqa’ mingħajr is-servizz. U persuni maqbuda bħal dawk fejn hemm danni kkawżati jew fejn l-ordni ħarġet mill-Qorti biex isiru t-tiswijiet weħlu prezzijiet eżorbitanti.   Dan biex ma nsemmux illi l-qisien maħruġa mill-gvern huma xi ftit eċċessivi u jorbtu jdejn il-kuntratturi biex jagħmel bini ikbar – li jirriżulta wkoll f’bini ogħla.

Mill-banda l-oħra, ovvjament għal kollox hemm raġuni.  Jekk il-kuntrattur għandu ħafna xogħol ma jistax jaċċetta xogħol imħallas inqas.  L-istess jekk ma jistax isib ħaddiema u jibda jgħolli l-pagi tal-ħaddiema biex iżommhom miegħu u jonora l-kuntratti u t-termini ta’ żmien li ħa.  L-istess spejjeż ġodda relatati ma’ sigurtà u l-fatt illi llum il-binjiet iridu jkunu iktar ekoloġiċi.

Iżda li qed jiġri wkoll huwa li l-persuna li għandha dar jew tnejn qed tinqabad hi wkoll f’din il-marmalja ta’ għoli ta’ prezzijiet. Għaliex ir-realtà hi li mhux kulħadd kuntrattur. Iżda min irid ibiddel xi ħaġa d-dar jew jissottometti dokument x’imkien jispiċċa wkoll jikkompeti fil-prezzijiet mal-kuntratturi li għandhom il-miljuni biex jagħmel dan.  Huwa minnu li min għandu post jew tnejn forsi l-proċeduri jmiss magħhom darba kull għaxar snin jew inqas, imma l-ħaddiem tal-id, perit jew awtoritajiet ma jistgħux jassumu li għandu biżżejjed mezzi biex iħallas il-mijiet ta’ xogħol.

Tikteb Lorna Vassallo

Min-naħa l-oħra, il-professjonisti wkoll jiġu kkritikati spiss.  Kemm minħabba li ma jagħtux riċevuti tal-VAT kif ukoll għax jitolbu prezzijiet eżorbitanti.  Dan l-aħħar iltqajt ma’ żewġ każijiet ta’ nies li ġew mitluba flejjes eżorbitanti għal dokumenti ta’ karta waħda mingħand periti.

Fl-ewwel każ il-perit kien wieħed ta’ età żgħira. Il-każ kien ta’ fidi ta’ ċens u d-dokument kienet pjanta tar-Reġistru tal-Artijiet li fuqha l-perit kellu jimmarka b’idejh liema hija l-proprjetà li qed jinfeda ċ-ċens tagħha, jittimbraha u jiffirmaha.  Il-persuna kellha diġà tħallas ‘il fuq minn elf ewro ċens li kienet ħasbet għalihom minn qabel. Kellha tħallas ukoll lill-avukat.  Wara li damet tiġri madwar xahrejn wara l-perit għall-pjanta ntalbet tħallas Eur150 ta’ litteralment karta waħda.  Wara li nagħtatilha l-pjanta u ħallset (għax ma kellha ebda triq oħra), talbet ir-riċevuta tal-VAT lill-perit involut madwar ħames darbiet. Imma r-riċevuta qatt ma waslet.

It-tieni każ forsi huwa aktar interessanti u frustranti.  

F’Ottubru 2021, persuna ordnat ‘Bill of quantities’ (dokument li jagħti stima ta’ kemm jista’ jiġi jiswa l-bini mill-ġdid ta’ post inklużi prezz tal-materjal, ġranet ta’ xogħol tal-ħaddiema, spejjeż ta’ rimi ta’ skart eċċ. eċċ.) ta’ blokka ta’ sitt flettijiet u seba’ garaxxijiet.  Ġiet mitluba tħallas Eur287.94c. Id-dokument kien jikkonsisti minn 12-il paġna.  Kull paġna kien fiha tabelli b’tipa ta’ daqs 10. Ma setax ikun iktar dettaljat.  Kienet sodisfatta bix-xogħol,  ħallset il-kont immedjatament u ngħatat riċevuta tal-VAT.  L-istima kellha tingħata sabiex tiġi ppreżentata l-Qorti.

F’Jannar 2022, l-istess persuna ġiet bżonn stima tal-valur ta’ dar antika żgħira ħafna fuq u isfel għal kumpanija tal-assikurazzjoni. Ir-rappreżentanta li tkellmet magħha qaltilha li kemm iċċempel il-perit u jagħtihulha fuq it-telefown.  

Ċemplet lill-kumpanija li kienet ilha taħdem biha madwar tletin sena u talbet għall-valur sabiex terġa’ tinbena l-proprjetà.  Wara diversi ġimgħat kienet għadha qed tistenna t-telefonata minkejja li ċemplet diversi drabi l-uffiċini u kull darba ngħatat il-kelma li dalwaqt jipprovdulha l-ammont.  

Iżda tant kemm il-kumpanija partikulari damet ma tatha l-ammont, li fil-frattemp l-istess persuna rċeviet ukoll mingħand bank dwar l-istess proprjetà.  Ovvjament il-bank stenna dokument ftit iktar elaborat minn numru jew valur. Però billi kellha d-dokument diġà ordnat ma reġgħetx kellmet lill-perit.  Stenniet ħalli tara x’se jagħtuha għall-kumpanija tal-assikurazzjoni l-ewwel ħa tikkonkludi waħda u wara titkellem dwar l-oħra.

Il-perit diġà kellu l-pjanti kollha għandu, qatt ma għamel spezzjonijiet fuq il-post għal dak l-iskop  u jekk ħa xi informazzjoni ħadha minn fuq il-karti.  Reġgħet damet tiġri wara d-dokument ġimgħat sħaħ u xhur.  Meta ngħatat l-ammont minflok fuq it-telefown ngħatat dokument li kien jikkonsisti minn karta waħda biss.  Ħames linji biss. Ma kinitx sodisfatta bix-xogħol wara daqstant żmien lanqas kieku kien b’xejn. Imma, din ma kinitx l-akbar traġedja. Mad-dokument intbagħtilha wkoll il-kont li bil-VAT b’kollox li kien jammonta għal Eur799.43c. Eur799.43c ta’ paġna waħda b’ħames linji.

Reġgħet bdiet iċċempel kull ftit jiem biex titlob dokument aħjar u ġustifikazzjoni tal-ammont mitlub. Poġġiet iż-żewġ stimi ħdejn xulxin. Dik ta’ blokka sħiħa u dik ta’ dar żgħira fuq u isfel. Meta kkalkulat il-persentaġġi deher ċar li fil-każ tal-ewwel il-kumpanija talbet 0.1% tal-valur tal-binja mill-ġdid u l-VAT fuqu.  Fil-każ tat-tieni l-ammont dovut ġie kkalkulat bil-1% tal-valur tal-binja mill-ġdid u l-VAT fuqu. U kitbet lill-kumpanija f’dan is-sens.

Talbet li jintbagħtulha ċ-ċifri sabiex il-perit wasal għar-riżultati fuq l-aħħar paġna.  Fl-aħħar wara appuntament mal-perit anzjan tal-kumpanija il-prezz tad-dokument niżel minn Eur799.43c għal Eur160 – differenza ta’ Eur639.43c mill-prezz ori[inali u madwar  Eur128 inqas mid-dokument ta’ 12-il paġna li kien ikopri proġett ta’ 6 flettijet u 7 garaxxijiet) u ngħatat il-kelma li se jingħatalha l-kumplament tad-dokument sħiħ.

Kważi sena wara għadha ma ngħatatx il-kumplament tad-dokument u qed tirċievi kont fix-xahar li jġiegħlha tħallas Eur160 ta’ karta b’ħames linji fuqha.  Il-persuna setgħet tinqeda għal skopijiet ta’ assikurazzjoni bid-dokument li ngħatat. Imma ma tistax tinqeda għall-fini ta’ bank.  Wara sena diversi periti qalulha li ġieli jagħtu dawn l-ammonti b’xejn. 

Bħalissa l-persuna in kwistjoni qed tirċievi l-kont b’mod regulari u tittama li xi darba jintbagħat il-kumplament tal-kont, ħalli jekk tħallas bejn mija u mitejn Ewro almenu ma jkunux ta’ karta waħda.  Iżda s-sitwazzjoni għalissa kellha tieqaf hemm.  Kull telefonata, imejl jew messaġġ f’sens ieħor qatt ma ġie rispost.

L-isfortuna hija li l-persuna ma tistax tissottometti l-informazzjoni meħtieġa lill-bank għalissa u kellha tippostponi proġett fl-istess post sakemm issolvi din il-kwistjoni.

Qabel is-sħubija fl-Unjoni, Tariffa K kienet tapplika b’mod tassattiv u li tirregola kif jitħallsu l-periti.  Din issa qed tingħata l-ġenb u fil-prattika m’hemm ebda regola. Kulħadd jispara bl-addoċċ u jivvinta l-prezzijiet u jissorprendi lill-klijent.  Milli jidher l-uniku rimedju li għad fadal huwa li l-klijent joqgħod jagħmel ftehim bil-miktub minn qabel mal-perit anke għall-inqas dokument li jeħtieġ jew inkella, jekk meta joħroġ il-kont ma jkuns kuntent imur il-Qorti ħalli l-Qorti tqabbel ma’ Tariffa K.  Jekk le, l-uniku kriterju li l-perit jara meta jagħti kas meta joħroġ kont donnu huwa kemm għandu flus il-klijent.  Jekk il-klijent huwa kuntrattur jitolbu tant, jekk il-persuna hija professjonista jitlobha tant, u jekk forsi jħenn għaliha jitlobha inqas. 

Iżda jekk is-Sid jew Sidt ikunu miljunarji, meta jbigħu l-proprjetà fuq min se jaqa’ l-kont?

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa

Sport