Is-Soċjetà Maltija qed tinbidel: il-Partit Laburista li jħares ’il quddiem

- Jikteb Andre Buhagiar

Aqra wkoll

Malta qed tinbidel. Qed tinbidel il-familja, qed jinbidlu l-komunitajiet tagħna, qed jinbidlu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ u qed jinbidlu wkoll il-ħtiġijiet tal-anzjani tagħna. F’dinja li qegħda tiċċaqlaq b’pass mgħaġġel, il-politika ma tistax tibqa’ wieqfa.

Huwa proprju hawnhekk fejn tidħol ir-responsabbiltà tal-Partit Laburista: li jibqa’ partit li jħares lejn il-futur, li jifhem il-bidliet fis-soċjetà u li jkun lest jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex Malta tkompli timxi ’l quddiem. Il-Partit Laburista dejjem kien il-partit tal-bidla. Mill-istorja tiegħu sal-lum, il-moviment Laburista kien strument importanti biex pajjiżna jagħmel passi ’l quddiem fil-qasam soċjali, ekonomiku u tal-ħajja ta’ kuljum. Illum għandna sfidi differenti, iżda l-prinċipju jibqa’ l-istess: titjib fil-ħajja tan-nies.

Partit li ma jibżax mill-bidla

Il-politika Laburista ma tistax tkun politika li tibża’ mill-bidla imma għandha tkun politika li tmexxi l-bidla. Dan huwa dak li jagħmel il-Partit Laburista differenti: il-kapaċità li jħares lejn is-soċjetà kif inhi u mhux kif kienet.

Il-Maltin u l-Għawdxin illum għandhom aspettattivi ogħla. Iridu servizzi pubbliċi aktar effiċjenti, infrastruttura aħjar, sistema tas-saħħa li tkompli tissaħħaħ, ambjent aħjar, aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u kwalità tal-ħajja li timxi id f’id mat-tkabbir ekonomiku. Dawn huma sfidi kbar, iżda l-Partit Laburista għandu esperjenza u rekord li jistgħu jkunu l-bażi biex ikompli jindirizzahom. 

Il-politika soċjali tibqa’ fil-qalba tal-Partit Laburista

Il-qawwa tal-Partit Laburista tinsab ukoll fil-fatt li l-politika soċjali tibqa’ parti mill-identità tiegħu. Għajnuna lill-familji, investiment fl-edukazzjoni, appoġġ lill-anzjani, opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità u miżuri favur il-ħaddiema mhumiex sempliċement inizjattivi individwali. Huma parti minn viżjoni politika li temmen li l-progress għandu jkun progress għal kulħadd.

F’soċjetà li qed tinbidel, din il-politika trid tkompli tevolvi. Il-familja Maltija tal-lum għandha realtajiet differenti minn dawk tal-passat. Il-ħaddiema għandhom sfidi ġodda. Iż-żgħażagħ għandhom aspirazzjonijiet differenti. L-anzjani qed jgħixu aktar u għandhom bżonnijiet ġodda. Il-Partit Laburista għandu jibqa’ qrib dawn ir-realtajiet.

Is-saħħa: investiment fin-nies

Is-saħħa hija settur ieħor fejn il-politika Laburista għandha tkompli tkun ambizzjuża.

Is-servizz tas-saħħa pubblika huwa wieħed mill-pilastri tas-soċjetà Maltija u għandu jibqa’ jkun aċċessibbli għal kulħadd. L-isfidi  f’dan il-qasam qed jinbidlu. Popolazzjoni li qed tixjieħ, żieda fil-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul u aktar domanda fuq is-servizzi jeħtieġu investiment u ppjanar fit-tul. Għalhekk irridu nkomplu ninvestu mal investiment li diġa sar, mhux biss fl-isptarijiet, iżda wkoll fil-kura primarja, fil-komunità, fil-prevenzjoni u fit-teknoloġija.

Malta moderna, iżda b’qalb soċjali

Il-modernizzazzjoni ta’ Malta m’għandhiex tfisser li nitilfu dak li jagħmilna Maltin. Nistgħu nkunu pajjiż modern u fl-istess ħin nibqgħu soċjetà li tpoġġi l-familja, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tagħha. Din hija l-isfida politika għall-Partit Laburista; li jibqa’ progressiv mingħajr ma jinsa l-għeruq tiegħu, li jibqa’ innovattiv mingħajr ma jinsa l-ħaddiem, li jħares lejn l-ekonomija mingħajr ma jinsa l-familja u li jħares lejn il-futur mingħajr ma jinsa lil dawk li bnew il-pajjiż.

Gvern Laburista b’mandat biex ikompli jwettaq

Il-poplu Malti u Għawdxi ta mandat ġdid lill-Partit Laburista. Dan il-mandat għandu jiġi meqjus bħala vot ta’ fiduċja, iżda wkoll bħala responsabbiltà. Il-Gvern Laburista għandu quddiemu l-opportunità li jkompli jwettaq il-viżjoni tiegħu għal Malta u jkompli jsaħħaħ dak li diġà nkiseb. Il-politika ma tistax tkun biss dwar dak li sar imma trid tkun ukoll dwar dak li jmiss. Il-Partit Laburista għandu jibqa’ ambizzjuż.

Politika li tħares ’il quddiem

Il-Malta tal-lum hija differenti minn dik tal-passat u l-Malta ta’ għada se tkun differenti minn dik tal-lum. Il-Partit Laburista għandu jkun lest għal din il-bidla. Jekk hemm ħaġa li l-istorja tal-moviment Laburista tgħallimna, hija li l-bidla qatt ma kellha tkun xi ħaġa li nibżgħu minnha. Il-bidla għandha tkun opportunità. Għalhekk, f’dan il-mument ġdid għall-pajjiż, il-Partit Laburista għandu jkompli jkun il-forza politika li tgħaqqad il-progress ekonomiku mal-ġustizzja soċjali, l-iżvilupp mal-kwalità tal-ħajja u l-ambizzjoni mal-solidarjetà.  Il-politika għandha tkun dwar ħaġa waħda fuq kollox: li kull ġenerazzjoni ssib Malta aħjar minn dik li sabet qabilha. Dik hija l-isfida imma hija wkoll l-opportunità tal-Partit Laburista.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport