L-UGWALJANZA FL-ERA DIĠITALI

Aqra wkoll

L-era diġitali ġabet magħha ħafna opportunitajiet.  Minkejja dan iżda mhux kulħadd għandu l-istess aċċess għat-teknoloġija u għall-ħiliet diġitali. Dan ifisser li mhux kulħadd għandu opportunità ġusta biex juża l-internet, apparat diġitali u servizzi onlajn, irrispettivament mill-età, is-sess, l-istatus soċjo ekonomiku jew il-kapaċità tiegħu. Wieħed mill-akbar ostakli huwa d-distakk diġitali. Dan jista’ jirriżulta minn nuqqas ta’ apparat, konnessjoni tal-internet jew għarfien dwar kif tintuża t-teknoloġija. F’Malta, l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali 2025–2030 tenfasizza l-importanza li kull student, irrispettivament mill-isfond tiegħu, ikollu aċċess għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità.

L-ugwaljanza tinkludi wkoll l-ugwaljanza bejn is-sessi. Huwa importanti li kemm il-bniet kif ukoll is-subien ikollhom l-istess opportunitajiet biex jitgħallmu dwar l-ICT, l-ipprogrammar, l-intelliġenza artifiċjali u oqsma oħra tat-teknoloġija. L-istrateġija Maltija tidentifika wkoll il-ħtieġa li tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-karrieri relatati mat-teknoloġija. L-iżvilupp teknoloġiku għandu jmur id f’id mal-ugwaljanza. 

Minkejja li l-progress teknoloġiku qiegħed jiftaħ opportunitajiet ġodda, qiegħed ukoll iqajjem mistoqsijiet fundamentali dwar jekk dawn il-bidliet humiex qegħdin ikunu ta’ benefiċċju għal diversi faxex ta’ nies. F’Malta hu stmat li  madwar 25 fil-mija tan-nisa u 26 fil-mija tal-irġiel bejn is-16 u l-74 sena għandhom biss ħiliet diġitali bażiċi.

Jekk imbagħad nieħdu persuni li għandhom ħiliet diġitali ogħla mil-livell bażiku toħroġ stampa aktar pożittiva. F’dan il-livell, in-nisa f’Malta saħansitra jaqbżu l-medja Ewropea, b’37 fil-mija tan-nisa bejn is-16 u l-74 sena li għandhom ħiliet diġitali aktar avvanzati meta mqabbla ma’ 29 fil-mija fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Sitwazzjoni simili tidher ukoll fost l-irġiel, fejn 35 fil-mija tal-irġiel f’Malta għandhom dawn il-ħiliet meta mqabbla ma’ 34 fil-mija fil-medja Ewropea. Dan huwa sinjal pożittiv li juri l-potenzjal kbir li għandna, potenzjal li ma rridux nistrieħu fuqu. Irridu nkomplu nrawmuh permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Biss minkejja dan joħroġ id-distakk bejn in-nisa u l-irġiel. F’ċerti oqsma kruċjali, b’mod partikolari f’dawk relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika, waqt li dawn huma setturi li qegħdin jikbru u li joffru opportunitajiet ta’ xogħol promettenti, in-numru ta’ nisa li jagħżlu dawn il-karrieri għadu limitat. Jekk nieħdu l-qasam tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), il-maġġoranza kbira tal-professjonisti huma rġiel, filwaqt li n-nisa jiffurmaw biss minoranza żgħira. 

Il-mistoqsija li rridu nistaqsu hi, imma fejn qiegħed jibda dan id-distakk?  Fis-suq tax-xogħol? Fil-qasam edukattiv? Jidher u dwar dan anke hawn minn analizza sew is-settur, li d-distakk jibda qabel id-dinja tax-xogħol.  Din hi inugwaljanza li rridu niġġildulha. Dan għax min jaqa’ lura jfisser li jkun qiegħed jitlef opportunitajiet oħra għal matul ħajtu fosthom ta’ impjieg.

U meta qegħdin nitkellmu dwar l-ispazju diġitali, dan minnu nfih joħloq sfidi oħrajn. Dan għax l-ispazju diġitali joffru post importanti fejn tinħoloq diskussjoni, issir analiżi u fejn wieħed jesprimi ruħu. Imma bħal kull ħaġa oħra dan il-fatt pożittiv jista’ jiġi abbużat. Jista’ jkollok min japprofitta minnu. U allura dan l-ispazju diġitali jista’ jkun post fejn in-nisa spiss jesperjenzaw fastidju. Mhux hekk biss imma anki diskorsi ta’  mibegħda u forom oħra ta’ abbuż online. Fosthom razziżmu. 

U allura hawn il-problema hi differenti. Hawn irridu naraw li l-sipazju diġitali ikun ambjent diġitali aktar sigur, ġust u inklussiv. Kif jista’ jsir dan? Dan wieħed jista’ jwettqu billi jibda ħidma ta’  investiment fl-edukazzjoni diġitali, programmi ta’ mentoring, u inizjattivi li jinkoraġġixxu lit-tfajliet jesploraw karrieri f’oqsma teknoloġiċi. Jeħtieġ ukoll riflessjoni serja dwar l-etika u r-regolamentazzjoni tal-użu tat-teknoloġija, speċjalment fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali.

Fl-istess waqt, it-teknoloġija għandha wkoll potenzjal kbir biex tikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Dan għax tista’ tiffaċilita bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, toffri opportunitajiet ġodda ta’ xogħol flessibbli u tippermetti li aktar nies jipparteċipaw fl-ekonomija.

Fil-qasam diġitali għamilna passi kbar ‘lquddiem. Passi li bihom gawdew ħafna. Minkejja dan bħal kull ħaġa oħra, jinħolqu sfidi ġodda. Waħda mill-isifdi ta’ llum hi li irridu niżguraw li l-era diġitali tkun waħda inklussiva. Irridu naraw li l-benefiċċji tagħha jintlaħqu minn kulħadd. Dan hu neċessarju biex nibnu soċjetà aktar ugwali. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport