L-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta se tkompli tissaħħaħ b’patrol boat oħra, il-P71, li nbniet mill-kumpanija Cantiere Navale Vittoria, fl-Italja. Il-P71, b’tul u wisa’ ta’ 75 u 13-il metru rispettivament, hija mgħammra bl-aħħar teknoloġija kemm għas-salvataġġ kif ukoll għall-protezzjoni tat-territorju Malti.



Din il-patrol boat saret b’investiment ta’ €53 miljun li parti minnhom huma fondi mill-Unjoni Ewropea. B’kollox din takkomoda sa 60 membru tal-ekwipaġġ, li 40 minnhom huma stazzjonati fuqha. Din hija mgħammra wkoll b’faċilità fejn jinżlu l-ħelikopters u anke jistgħu jittellgħu abbord vetturi jew kontejners f’każi fost oħrajn ta’ sehem f’missjonijiet umanitarji.




Minn din il-patrol boat jistgħu jiżbarkaw minn wara u mill-ġenb dinghies għal kull eventwalità. Abbord hemm ukoll faċilitajiet oħrajn ta’ akkomodazzjoni għas-suldati u l-fizzjali li jinkludu kċina, gym, uffiċini u anke armerija. Il-P71 ittella’ veloċità ta’ ‘l fuq minn 20 knot.


Dan il-ġurnal kellu l-opportunità, flimkien ma’ ġurnalisti oħra, li jitla’ abbord din il-lanċa, li se tkun l-akbar waħda li qatt kellha l-Armata fil-flotta tagħha. Hemmhekk stajna naraw aħjar x’tinvolvi l-ħidma ta’ kuljum u anke l-faċilitajiet ġodda u moderni li hemm fuq din il-lanċa.

F’kummenti ma’ talk.mt, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljaza Byron Camilleri ddeskriva dan l-investiment bħala l-akbar wieħed għall-Forzi Armati u anke għad-Difiża tal-pajjiż. Qal li din il-lanċa toffri kapaċitajiet ġodda li tagħmilha possibbli biex minkejja ċ-ċokon tagħna bħala pajjiż, inkunu preparati għal dak kollu li jkun hemm bżonn.

“Ta’ kuljum naraw il-bżonn ta’ apparat bħal dan, kif fil-fatt hija mgħammra bih din il-lanċa. Ħadna ħadna anke l-welfare tas-suldati tagħna li jridu jqattgħu jiem abbord, b’faċilitajiet li jagħmluha aktar faċli biex ħaddiem jaqdi dmiru għal diversi jiem fuq dik il-lanċa parttikolari,” tenna l-Ministru Camilleri.