Wednesday, July 24, 2024

Tawha is-sensja waqt li kellha erba’ xhur tqala… sabitha diffiċli issib impjieg ieħor

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tkeċċiet mix-xogħol waqt li kienet tqila. Ma kienx faċli għaliha li ssib impjieg ieħor. Minħabba dan l-uniku dħul finanzjarju li kellha waqt parti mit-tqala kien biss mill-assistenza socjali u mill-benefiċċju tal-maternità. Din hi l-esperjenza iebsa li għaddiet minnha ħaddiema li llum għandha 43 sena. Minħabba l-mod kif tkeċċiet mix-xogħol, hi spiċċat imċaħħda milli tipprevalixxi ruħha mil-leave tal-maternità u kif ukoll mill-benefiċċji l-oħra assoċjati mal-maternità. Il-mara spiċċat rebħet €14,000 f’kumpens mit-tribunal industrijali għal tkeċċija inġusta għax ma kienx hemm raġuni ta’ sensja.

Il-każ jirrigwarda lil Alison Cornelius u Durley Investments Limited. Il-ħaddiema spjegat fix-xhieda tagħha li hi kienet mal-kumpanija sa minn Ottubru tas-sena 2011 bhala ‘food and beverage manager,’ u li kellha kuntratt ta’ xogħol indefinit. Hi kienet ilha għaxar snin impjegata magħha.

Tgħid li flimkien mall-impjegati l-oħra kienu nformati li n-negozji tal-kumpanija kienu se jigi trasferiti. B’ittra datata it-12 ta’ Dicembru tas-sena 2013 ġiet infurmata li l-impjieg tagħha kien qiegħed jiġi itterminat, u dan allegatament minħabba r-raġuni ta’ allegata ‘redundancy’. Sostniet li t-tkeċċija tagħha mill-impjieg ma saritx għal raġuni tajba u suffiċjenti fil-liġi.

Sostniet “li kienet giet informata permezz ta’ sms fil-11 ta’ Dicembru tas-sena 2013 minn Aldo Calleja, u li f’dak il-perjodu kien Operations Manager tas-Salina Wharf Hotel, li l-għada 12 ta’ Diċembru tas-sena 2013 il-ħaddiema tal-Food and Beverage kellhom laqgha u li kulhadd kellu jattendi.

Fil-laqgħa ma’ Justin Zammit Tabona, u li għal din il-laqgħa kienu preżenti ħdax-il impjegat tal-Food and Beverage u d-direttur tas-Salina Wharf Hotel, Justin Zammit Tabona, Aldo Calleja, u James Scerri li kien l-accountant tal-lukanda Salina Wharf Hotel. F’din il-laqgħa Zammit Tabona kien informa lill-impjegati tal-food and beverage li dakinhar kienet l-aħħar ġurnata tax-xogħol tagħhom, u li kellhom ftit ħin sabiex jieħdu l-oġġetti personali tagħhom. It-terminazzjoni kienet qiegħda ssir peress li l-‘bar and restaurant’ kien qiegħed jopera bit-telf u għalhekk kien se jitrasferixxi n-negozju lil terzi.”

Il-ħaddiema sostniet li Zammit Tabona kien introduċihom ma’ Rita Bajada, Martin Ciavola, u Sandra Sant, bħala l-operturi l-ġodda tal-bar and restaurant tas-Salina Wharf Hotel. Iddikjarat li Zammit Tabona kien ukoll qalilhom li huma kienu se jiġu trasferiti man-negozju, u dan għalkemm kien għadu kif qalilhom li din kienet l-aħħar ġurnata tagħhom.

Kompliet tgħid li min-naħa tagħha Rita Bajada kienet qaltilhom li hi ma kelliex bżonnhom bħala staff peress li huma kienu se jiġġestixxu personalment il-post, jiġifieri l-‘bar and restaurant’. Zammit Tabone kien qalilhom li la l-operaturi l-ġodda ma kellhomx bżonnhom għalhekk kienu huma, l-operaturi l-ġodda li kienu qegħdin jagħmluhom bla xogħol.

Tgħid li kienu ħaduhom l-uffiċċju, fil-kċina u fil-bar sabiex jiġbru l-affarijiet personali tagħhom mentri l-operaturi l-ġodda bdew jippreparaw sabiex jiftħu għall-ikel f’ħin ta’ tletin minuta dakinhar stess.
Il-ħaddiema qalet li kienu marru fis-16 ta’ Diċembru tas-sena 2013 fid-Dipartiment tar-Relazzjonjiet Industriali, fejn ir-rappreżentant kien ċempel lil James Scerri sabiex iżommu laqgħa. Dakinhar stess hi kienet irċeviet telefonata mingħand Aldo Calleja li kien informahom li kellhom laqgħa u li kienet se tinżamm fil-lukanda. Meta waslu sabu lil Justin Zammit Tabona fir-reception u hu kien ried li jkellimhom waħda waħda, jew wieħed wieħed.

Qalet li l-avukat Refalo kien spjegalhom li Zammit Tabona kien għalaq il-Bar & Restaurant u dakinhar stess l-operaturi l-ġodda kienu ddeċidew li jikru l-post u jiftħuh Bar & Restaurant. Sostniet li meta saqsiet lil Dottor Refalo li Justin Zammit Tabona fit-12 ta’ Dicembru kien qalilhom li dan kien trasferiment ta’ negozju, u mhux li kien se jagħlaq in-negozju, l-avukat Refalo irrisponda li Zammit Tabona għamel “żball żgħir”. Għalhekk huma, u l- impjegati tal-food and beverage, kienu qegħdin jiġu mogħtija is-sensja mill-kumpanija u mhux mill-operaturi l-ġodda.

Tgħid li Zammit Tabona reġa’ semma’ li bar and restaurant kien qiegħed jaħdem bit-telf u li waħda mill-fatturi kienet li l-kċina ma kinitx miżmuma sew, u li dan kien kaġun ta’ telf ta’ flus. Meta staqsewh sabiex jelabora, Zammit Tabona semma’ li hu kien sab oġġetti friżati li kienu preparati sentejn qabel. Qal li kien hemm ukoll ikel li kellu jiġi mormi minħabba li kien maħżun ħażin. Tgħid li kienu wkoll murija ritratti li ma kinux ċari tal-ippakkeġġjar u kif ukoll tal-madwar.

Din il-laqgħa saret erbat ijiem wara li kienu ġew itterminati. Tgħid li talbu sabiex jaraw l-ikel li kien ghadu fil-freezer u jkunu jistgħu jiċċekkjawh. Tgħid li marru jiċċekkjaw dan l-ikel li kien se jintrema’ u sabu żewġ boroż suwed fil-friża iżda l-ikel kien għadu tajjeb. Dan l-ikel kien għadu kif ġie ppreparat ftit ġranet qabel għall-perjodu tal-Milied. Kien qiegħed jintrema’ peress li Chef ma jużax ikel ta’ Chef ieħor meta jkun diġa ppreparat.

Il-ħaddiema qalet li kienet sorpriża b’dak li kien qalilha Zammit Tabona, u dan peress li ftit tax-xhur qabel il-Head Chef, kienet giet imfaħħra mill-management tal-lukanda għal menu l-ġdid li kienet introduċiet. Dan il-menu kien intlaqa’ tajjeb kemm mir-residenti u kemm mill-klijenti tal-lukanda, u kienet irċeviet ittra ta’ tifħir minn Aldo Calleja. Qalet li meta saret spezzjoni mill-awtoritajiet sanitarji dawn kienu għamlu rimarki sodisfaċenti.

Tkompli tgħid li mal-ittra tat-terminazzjoni tal-impjieg kienet ukoll ingħatat ittra biex tiffirma u li hi rrifjutat li tiffirma. Tgħid ukoll li insistew magħha li biex tieħu c-cheque kellha tiffirma din l-ittra u meta hi qaltlu li kienet se tmur għand il-Labour Office (DIER) dan kien għaddielha c-cheque. Tgħid ukoll li f’dak il- perjodu hi kellha erba’ xhur tqala u li kienet informat b’dan kemm lil Justin Zammit Tabona u kif ukoll lil Aldo Calleja.

It-Tribunal iddeċieda li l-kumpanija Durley Investments Limited għandha tħallas kumpens ta’ sitt xhur salarju li jammonta għal €10,227.36c, kif ukoll il-leave tal-maternità fl-ammont ta’ erbatax-il ġimgħa pagabbli mill-principal, liema leave ta’ erbatax-il ġimgħa jammonta €5,826.08c, u għalhekk €16,053.44. Minn dan l-ammont għandu jitnaqqas l-ammont ta’ €2286.34c, jiġifieri l-ammont li Cornelius, tħallset mill-kumpanija.

Ekonomija

Sport