Sunday, December 22, 2024

Tazza tad-dinja: Jistgħu jeħlu sa €66,000 fuq kull biljett li ppruvaw ibigħu bil-black market

Hija l-FIFA biss li tista’ tagħmel tali bejgħ!

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Aħbar li ħarġet mill-aktar post li huwa segwit bħalissa fid-dinja barra l-Ukrajna, il-Qatar, hija dik tal-arrest ta’ tliet irġiel li kienu qegħdin ibigħu biljetti bil-black market tat-Tazza tad-Dinja 2022. It-tliet irġiel ġew esposti bħala “tagħlima” minn ritratt li ttieħdilhom mill-awtoritajiet lokali fejn jidhru għar kopptejhom quddiem ammont sostanzjali ta’ biljetti tal-logħob prestiġġjuż .

B’wiċċhom ma jidhirx u jdejhom marbuta wara daharhom, it-tliet arrestati ġew esposti b’dan il-mod bil-għan li ħadd ma jipprova jagħmel bħalhom. Il-kont uffiċjali tal-pajjiż ta’ Twitter għall-Ministeru tal-Intern ippubblika dan ir-ritratt.

Fl-istess post kien hemm miktub li, “il-membri tas-sigurtà arrestaw tliet persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti talli xtraw u reġgħu biegħu biljetti tal-FIFA World Cup Qatar 2022 barra l-pjattaformi uffiċjali speċifiċi approvati minn FIFA u l-pajjiż li qiegħed jilqa’ fih dan l-avveniment sportiv. Għaldaqstant dan huwa ksur tal-Artiklu Numru 19 tal-Liġijiet Numru 10/2021”.

Ingħad ukoll li hija l-FIFA biss li għandha d-drittijiet tal-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-biljetti inkwistjoni u dawk li jipprovaw ibigħuhom jistgħu jiffaċċjaw proċeduri kriminali kontrihom.

Il-piena f’dan il-każ hija multa li ma taqbisx il-QAR 250,00 li jikkwantifikaw għal €65,944 iżda l-awtoritajiet tal-post qalu li din il-multa tista’ tkun immultiplikata bin-numru tal-biljetti li nqabdu jippruvaw ibigħu. Barra minnhekk, il-qorti lokali mistennija toħroġ ordni ta’ konfiskazzjoni tal-istess biljetti maqbuda.

Huwa rrapportat ukoll li l-akkużati ġew riferuti lill-awtoritajiet kompetenti għal aktar proċeduri legali kontrihom fuq dan il-każ. “AFP” irrapportat li ta’ kuljum kjuwijiet twal ta’ nies qegħdin jinġemgħu barra ċ-ċentru fejn jinxtaw il-biljetti f’Doha.

It-Tazza tad-Dinja 2022 mistennija tibda l-Ħadd li ġej u tiġi fi tmiemha fit-18 ta’ Diċembru. 

Ekonomija

Sport