Saturday, December 21, 2024

Tbigħ il-midalja biex issalva tifel li għandu bżonn operazzjoni biex ikompli jgħix

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-atleta Pollakka Maria Andrejczyk rkantat il-midalja tal-fidda tagħha li rebħet mill-Olimpjadi f’Tokyo biex tkun tista’ tgħin finanzjarjament tifel ta’ tmien xhur li għandu bżonn operazzjoni f’qalbu.

L-atleta Pollakka irnexxielha tegħleb kanċer fl-għadam li feġġilha fl-2018 u wara biss tliet snin irnexxielha tikkompeti u tirbaħ midalja fl-Olimpjadi.

Andrejczyk irnexxielha tiġbor €150,000 bil-għan li tgħin fil-fond ta’ Miloszek, tifel pollakk li għandu bżonn operazzjoni urġenti biex ikun jista’ jibqa’ jgħix.

Il-fond meħtieġ huwa dak ta’ €330,000 u permezz ta’ din l-għotja issa baqa’ bżonn biss 5 fil-mija ta’ din iċ-ċifra.

F’kummenti lil midja l-atleta sostniet li hi kellha għal qalbha dan l-unur iżda xtaqet li bis-suċċess tagħha tkun tista’ tgħin lil dan iċ-ċkejken tant fil-bżonn anke jekk stess ma tafux.

Ġara iżda li l-akbar ammont offrut tal-midalja ġie ppreżentat mill-istabbiliment Pollakk Zabka li minkejja li ppreżenta ċ-ċifra tiegħu, insista li l-atleta żżomm dan l-unur frott it-tbatija li għaddiet minnha hi stess u l-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħha li tibqa’ titħarreġ biex setgħet terbaħ dan l-istess unur.

Ekonomija

Sport