Il-midfielder internazzjonali Malti Teddy Teuma ħalla lil Union Saint-Gilloise biex ingħaqad ma’ Stade de Reims fil-Ligue 1 fi Franza.
Teuma beda l-karriera tiegħu ma’ Hyeres fir-raba’ diviżjoni Franċiża – in-National 2 – u wara lagħab ma’ US Boulogne fin-National 1 u Red Star FC li magħhom rebaħ ukoll il-promozzjoni min-National 1 għal-Ligue 2.
Huwa ħalla lil Red Star f’Jannar 2019 biex jingħaqad ma’ Union Saint-Gilloise fil-Belgian Challenger Pro League – it-tieni diviżjoni Belġjana – b’kuntratt ta’ sentejn u nofs.
Ma’ Union Saint-Gilloise, huwa mexxa lit-tim għall-promozzjoni għall-Belġjan Pro League fi tmiem l-istaġun 2020/21 bħala captain tat-tim. Union Saint-Gilloise kellhom staġun eċċellenti fl-2021/22, fejn spiċċaw it-tieni fil-play-offs u s-sena l-oħra, kellhom jikkuntentaw bit-tielet post iżda laħqu il-kwarti tal-finali tal-UEFA Europa League.
Reims huwa wieħed mill-aktar klabbs ta’ suċċess fl-istorja tal-futbol Franċiż wara li rebħu sitt titli tal-Ligue 1, żewġ trofej tal-Coupe de France, u ħames titli tat-Trophée des champions. Madankollu, mis-snin 80 ‘l hawn, Reims tħabtu biex jerġgħu lura għall-glorja ta’ qabel.
Matul l-istaġun li għadda, Reims temmew fil-11-il post fil-Ligue 1 f’pożizzjoni komda f’nofs il-klassifika. L-aħjar pożizzjoni tagħhom f’dawn l-aħħar snin kienet is-sitt post fl-istaġun 2019/20, fejn irnexxielhom jikkwalifikaw għall-UEFA Europa League.