Monday, December 23, 2024

Telefonati bir-roaming fi ħdan l-Unjoni Ewropea estiżi sal-2032

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qablu li jestendu r-roaming madwar l-Unjoni Ewropea sal-2032, li jfisser li l-konsumaturi se jkunu jistgħu jużaw l-internet, jagħmlu telefonati u jibagħtu messaġġi mingħajr spejjeż żejda.

Il-Parlament Ewropew reċentement adotta r-regoli l-ġodda li jestendu d-dritt għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jagħmlu telefonati bil-mowbajl bir-rati domestiċi tagħhom meta jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, għal għaxar snin oħra.

Bis-saħħa tal-ħidma mwettqa mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u l-MPE Alex Agius Saliba, l-Ewropej mhux ser jibqgħu jiġu kkastigati b’servizzi ta’ kwalità inferjuri u spejjeż ogħla sempliċiment għax jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea u joqgħodu fi Stat Membru ieħor. Dawn ir-regoli l-ġodda ser jidħlu fis-seħħ dan is-sajf.

Il-MPE Agius Saliba, in-negozjatur tal-grupp politiku għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, ikkummenta li l-abolizzjoni tar-roaming hija waħda mis-suċċessi l-aktar rikonoxxuti taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

“Hija aħbar eċċellenti li r-regoli tar-roaming se jkomplu għal għaxar snin oħra, u ser jipprovdu lin-nies b’esperjenza u kwalità aħjar tas-servizz ta’ roaming. Huwa importanti li matul in-negozjati, mhux biss irnexxielna nestendu r-regoli, iżda rnexxielna wkoll inneħħu l-ostakli eżistenti u l-prattiki diskriminatorji,” qal il-MPE Agius Saliba.

Aktar minn hekk, il-MPE Agius Saliba enfasizza wkoll li n-nies se jkunu garantiti l-istess kwalità meta jużaw ir-roaming daqslikieku qiegħdin f’pajjiżhom, u se jiksbu protezzjoni aħjar kontra kontijiet xokkanti li jiġu riżultat ta’konnessjoni ma’ netwerks mobbli jew satellitari mhux tal-Unjoni Ewropea.

“Ninsab kuntent li rnexxielna wkoll intejbu t-trasparenza u niżguraw l-aċċess liberu għas-servizzi ta’ emerġenza, inkluż għall-persuni b’diżabilità. In-nies mhux se jibqgħu jiġu kkastigati b’kontijiet eċċessivi u kwalità inferjuri tas-servizzi. L-utenti tal-mowbajl ma jistgħux jiġu ċċarġjati aktar għal messaġġi, telefonati, u l-użu tal-internet fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Ninsab kuntent ukoll li n-nies se jgawdu wkoll benefiċċji addizzjonali bir-regoli l-ġodda”, qal il-MPE Alex Agius Saliba.

Ekonomija

Sport