Wara li rebħet l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Ġunju, il-weightlifter żagħżugħa Tenishia Thornton rebħet l-Atlas Atleta Żagħżugħa tas-Sena 2022.
Hija rebħet dan l-unur prestiġjuż wara votazzjoni minn panel ta’ tliet ġurnalisti mħallta mal-votazzjoni tal-pubbliku, li saret onlajn matul dawn l-aħħar ġimgħat. Fit-tieni post overall ta’ dan l-unur spiċċaw il-long jumper Jeremy Zammit u l-qaddief paralimpipiku Nick Mercieca.
L-ewwel unur annwali li kien fis-sena 2020 kien intrebaħ ukoll mill-weightlifter Tenishia Thornton, bil-plejer tal-futbol Haley Bugeja u l-ġinnasta Tara Vella Clark li kienu ġew bħala runners up.
Il-weightlifter Maltija ta’ 16-il sena, irnexxilha tirbaħ tliet midalji tad-deheb u spiċċat fl-ewwel post ġenerali fil-kategorija tal-55kg tal-Kampjonati Dinjija taż-Żgħażagħ IWF li saru f’Ġunju f’Leon, il-Messiku. Thornton kienet qed tieħu sehem fil-kategorija tal-55 kilogramma fejn irnexxilha terfa’ 78 kilogramma fis-snatch, 100 kilogramma fil-clean & jerk għal total ta’ 178 kilogramma u kisbet rekord ġdid fil-Commonwealth u ieħor nazzjonali.
F’Novembru, Thornton rebħet ukoll bħala l-aqwa atleta individwali fil-Weightlifting European Small Nation Championships li saru f’Ċipru. Hija kellha record nazzjonali ta’ 83 kilogramma fis-snatch u 101 kilogramma fil-clean & jerk fil-kategorija tad-59 kilogramma. It-tim Malti spiċċa fit-tielet post overall f’din il-kompetizzjoni.
Waqt il-Malta Weightlifting Awards 2022, Tenisha Thornton irċeviet il-premju Diamond talli laħqet 104.23% fil-klassifika internazzjonali, li huwa l-ogħla premju li jista’ jintlaħaq fir-rankings tal-MWA. Thornton irċeviet ukoll il-premju tal-Achievment billi waqqfet 144 rekord nazzjonali fl-2022. Hija rċeviet ukoll il-premju ta’ rikonoxximent għall-aqwa 10 kompetizzjonijiet internazzjonali li ħadet sehem fihom matul l-2022.
Il-preżentazzjoni uffiċjali ta’ dan it-trofew annwali u l-voucher ta’ abiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju lil Tenishia Thornton saret minn Matthew von Brockdorff, Kap
Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali, Robert Micallef, Uffiċjal Kap Kummerċjali u David Cassar Business Development u Maniġer tal-Marketing ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti il-President Sandro Micallef u l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Intant, Atlas Insurance ikkonfermaw li se jġeddu l-ftehim marbut ma’ din l-inizjattiva mal-Għaqda Ġħaqda Ġurnalisti Sports għal sena oħra.
Dawn il-premji ta’ kull xahar u dak ta’ darba f’sena jingħataw b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena. Ir-rebbieħa ta’ kull xahar huma eliġibli għall-premju annwali.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.