Friday, November 22, 2024

Tennis: Alcaraz jegħleb lil Djokovic f’esibizzjoni fis-Sawdi

Aqra wkoll

Carlos Alcaraz irkupra minn set minn taħt biex għeleb lir-rival Novak Djokovic fl-Arabja Sawdija nhar l-Erbgħa f’wirja li żvolġiet bħala prova tal-ilbies għall-Australian Open tax-xahar id-dieħel bil-player numru 2 tad-dinja jirbaħ 4-6 6-4 6-4.

Biex jingħata bidu għall-istaġun il-ġdid, l-aqwa żewġ players maskili fid-dinja ffaċċjaw lil xulxin fid-deżert Sawdi għar-Riyadh Season Tennis Cup.

Kienet partita li bdiet tmur fuq kull naħa, b’Alcaraz jikser fl-ewwel game, biss biex Djokovic iwieġeb b’żewġ breaks tiegħu biex ħa s-set tal-ftuħ 6-4. Iżda s-Serb numru wieħed tad-dinja tilef is-service tiegħu fil-bidu tat-tieni set, ukoll, u din id-darba Alcaraz żamm in-nervi biex ippa­reġġa l-logħba.

Imbagħad iċ-champion ta’ Wimbledon ħa f’idejh it-tielet set, wara li bbrejkja fit-tielet game. Iżda Djokovic reġa’ kiseb il-paritá għal tliet        ga­mes kull wieħed qabel ma Alcaraz issiġġilla t-tieni break deċiżiv.

L-Ispanjol ħtieġlu juri l-potenzjal tiegħu qabel eventwalment spiċċa 5-4 minn fuq. Alcaraz, ta’ 20 sena, imbagħad għalaq il-partita.

“Hija mpressjonanti, f’età daqshekk żgħira, dak li kiseb. Huwa bniedem umli ħafna, tajjeb ħafna. Familja sabiħa ħafna – valuri kbar – it-team tiegħu … hija meraviljuża li jkollna lilu fl- isport tagħna.

“Huwa wieħed mil-leaders tal-isport illum u żgur li se jġorr din il-logħba fil-futur – fl-10-15-il sena li ġejjin se naraw ħafna minnu. It-tennis jinsab f’idejn tajbin,” qal Djokovic wara.

Alacaraz wieġeb b’tifħir għal Djokovic, 36 sena. “Huwa nkredibbli li taqsam il-court miegħu … it-tagħlim minnu huwa aqwa,” qal l-Ispanjol.

“Trabbejt narah jirbaħ it-tournaments il-kbar. Dejjem ħlomt li nkun f’din il-pożizzjoni – nilgħab kontrih wiċċ imb’wiċċ – u ninsab tassew kuntent li nista’ nagħmel dan u nisperaw (nistgħu) nibqgħu sejrin … jidher li għad għandu 20 sena, allura aħna se naqsmu l-court aktar minn darba. Hija tal-għaġeb.”

Alcaraz u Djokovic jidhru preparati biex jik­tbu ftit kapitoli oħra fir-rivalità pulsanti tagħhom, li ħadet in-nar fl-2023. L-ewwel, Djokovic għeleb lill-Ispanjol fis-semi-finali f’Roland Garros qabel ma Alcaraz għamel vendetta sportiva f’finali notevoli ta’ Wimbledon.

Intant nhar it-Tlieta, kien imiss lin-nisa, b’Aryna Sabalenka tegħleb lil Ons Jabeur għall-kuruna f’Riyadh.

In-numru 2 tad-dinja mill-Belarus ukoll kel­lha bżonn tliet sets biex tegħleb lill-avversarja Tuneżina tagħha, u eventwalment rebħet 4-6 6-3 6-2.

Sport