Monday, May 13, 2024

Waterpolo: L-Italja wisq qawwija għall-Maltin

Aqra wkoll

MALTA ……..6

ITALJA ……23

Fl-ewwel logħba mit-Tournament Internazzjonali tal-Milied 2023 organizzat mill-ASA fil-Pixxina tal-Kottonera l-ġdida, it-team naz­zjonali Malti ma setax iltaqa’ ma’ avversarji iktar diffiċli mill-Italja li ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 23-6.

Is-superjoritá tat-Taljani kienet evidenti tant li skor­jaw il-goals tagħhom  f’intervalli regolari fejn tnejn mis-sessjonijiet, it-tieni u r-raba’ rebħuhom bl-iskor  identiku ta’ 7-1 wara li bdew l-ewwel waħda li fiha ħadu vantaġġ ta’ 4-1.

L-iktar sessjoni li l-Maltin żammew mal-avversarji tagħhom kienet it-tielet waħda meta d-differenza fl-iskor kienet ta’ żewġ goals, eżattament 5-3. F’dawk li huma penalties l-Italja skorjaw tlieta minn tlieta u goal ieħor ġie bi player iktar fil-pitch. 

Iżda minkejja t-telfa kbira l-coach ta’ Malta, Milan Cirivic, seta’ jinnota  punti pożittivi meta fil-kampjonat msemmi l-avversarji tagħna żgur li mhumiex tal-istess livell daqs it-Taljani.

It-team ta’ Sandro Campana mill-ewwel intefa’ fuq l-attakk tant li fetħu vantaġġ ta’ tliet goals li waslu minn Andrea Fondelli, Francesco Di Fulvio Nicholas Presciutti u Lorenzo Bruni, waqt li l-goal uniku għall-Maltin wasal minn Sam Gialanze.

Fit-tieni sessjoni, it-Taljani komplew jiddominaw u ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 7-1, bl-iskorers ghalihom ikunu Vincenzo Dolce, Gia­como Cannella (2), Jacopo Alesiani, Tommaso Gianazza, Andrea Fondelli mir-rebound wara li kellu penalty jaħbat mal-lasta, u Vincenzo Dolce. Jake Muscat skorja l-goal waħdieni għal pajjiżna.

Bir-rebħa diġá ċerta, fit-tielet sessjoni t-Taljani naqqsu ftit mir-ritmu u rebħuha bl-iskor ta’ 5-3, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Tommaso Gianazza (2), Giacomo Cannella, Luca Damonte, Jacopo Alesiani u Francesco Di Fulvio. Għal Maltin wieġbu Jeremy Abela, Matthias Azzopardi u Liam Galea. 

L-Italja għamlu l-‘en plain’ meta rebħu l-aħħar sessjoni, din id-darba bl-iskor ta’ 7-1 ukoll, fejn għalihom sabu x-xibka Andrea Fondelli (3), Giacomo Cannella minn penalty u Fran­cesco Di Fulvio (3). Jayden Cutajar skorja l-uniku goal għal Malta.

Malta: 1-Jake Tanti, 2- Alec Fenech, 3-Liam Galea (1), 4-Mark Castillo, 5-Sam Gialanze (1), 6-Ben Plumpton, 7-Jake Muscat (1), 8- Jayden Cutajar (1), 9-Jeremy Abela (1), 10-Nikolai Zammit, 11-Darren Zammit, 12-Ni­cholas Bugelli, 13-Benji Busuttil, 14-Matthias Azzopardi (1), 15-Jake Cachia; Coach: Milan Cirovic.

Italja: 1-Marco Del Lungo, 2-Francesco Di Fulvio (5), 3-Luca Damonte (2), 4-Tommaso Gianazza (3), 5-Andrea Fondelli (5), 6-Giacomo Cannella (4), 7-Matteo Iocchi Gratta, 8-Alessandro Velotto, 9-Nicholas Presciutti (1), 10-Lorenzo Bruni (1), 11-Jacopo Alesiani (2), 12-Vincenzo Dolce (1), 13-Gianmarco Nicosia; Coach: Sandro Campagna  .

Referees: Massimo Angileri, Richard Magri.

Illum: 6.00 pm Malta v Franza; 7.45 pm Italja v Olanda.

Sport