Sunday, May 5, 2024

BLA BŻONN TA’ EROJ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

​​Jekk niftakar tajjeb, kien Bertolt Brecht li ħareġ bl-għajta li l-aktar pajjiżi fortunati huma dawk li m’għandhomx bżonn eroj, għax l-affarijiet publiċi jitmexxew tajjeb u bil-għaqal mingħajrhom, b’nies “normali” u kwieti li jmexxu l-ħajja bla kjass fil-galbu.

​​U dejjem jekk niftakar tajjeb, Mario Azzoppardi kien li darba minnhom, fetaħ dibattitu dwar hekk, għalkemm ftit segwew il-proposta li qajjem. Imma fiha x’tixtarr.

​​Pajjiżi li ma jeħteġux eroj ma jfittxux konfront la barra mill-fruntieri tagħhom, u lanqas minn ġewwa. Dan ma jfissirx li jaċċettaw l-istaġnar jew l-inġustizzji interni jew li jsiru servjenti ta’ min irid jikkmandahom minn barra. Ifisser li f’pajjiżi hekk, ikun instab mod kif l-affarijiet jiġu diskussi u deċiżi b’mod miftuħ u ħieles, aċċettat minn kulħadd, li jippermetti żvilupp dinamiku tan-nazzjon, mingħajr il-ħtieġa ta’ xi salvatur jew caudillo-eroj li j/taf kollox, għax hu/hiaqwa minn kulħadd.

REVOLUZZJONIJIET

​​Wisq revoluzzjonijiet jibdew billi jesprimu l-ħtieġa enormi ta’ bidla fis-soċjetà u b’hekk jirrispondu għax-xenqa kbira taċ-ċittadini għal ħajja differenti u ħafna aħjar. Imbagħad jiddiżappuntaw bil-kbir.

​​Għall-bidu, il-ferħ bir-rankatura tal-bidla jkun kbir u spontaneu. Maż-żmien jibda jmajna. Aspetti tar-reġim il-ġdid li qabel, ftit ikunu ssemmew, jibdew jieħdu l-ħajja. Jispiċċaw jiddominaw l-istrutturi differenti – “ġodda”? – li jkunu twaqqfu. Fi ftit taż-żmien, dawn isiru oppressivi u korrotti daqs dawk li jkunu neħħew u daħlu minflokhom. 

​​Xejn aħjar mill-eżempju tal-Iran ma juri dan. Ir-revoluzzjoni tal-Ayatollah bdiet f’ferment popolari liema bħalu kontra r-reġim korrott tax-Xa. Illum ir-revoluzzjoni saret binja statali li tgħaffeġ taħtha lil kull min irid jgħix ħajja ħielsa mill-madmad ta’ preċetti mudlama – bħall-mod kif in-nisa jiġu ttrattati.

IS-SUQ SOĊJALI

​​Forsi l-akbar wirt li l-Ewropa se titqies li ħalliet lid-dinja – u forsi jwassal biex itaffi t-tifkira tal-kolonjaliżmu li l-Ewropa xerrdet bl-imperjaliżmi tagħha – hu tas-suq soċjali. Mhux ħaġa kbira li hu l-aqwa fattur tal-ġibda lejn l-Ewropa fost daqstant refuġjati u immigranti, regolari jew le.

​​Dnub li l-mod kif il-kunċett jiġi espress jorbot wisq mad-demokristjani Ewropej. Filfatt, il-mudell inħoloq l-aktar mis-soċjaliżmu demokratiku, meta dan iddeċieda li jinfatam mill-Marksiżmu-Leniniżmu biex jibni l-ġustizzja soċjali fuq il-pedamenti ta’ kapitaliżmu “mmansat”. Wara, d-demokristjani ħadu l-istess triq u raw kif isegwuha anke meta kienu fil-gvern. 

​​Haġa ovvja li f’ħafna każi, l-mudell serva biex iwieżen lill-kapitaliżmu. F’ħafna oħrajn, le. Fejn tmexxa f’sistema demokratika parlamentari u kien suċċess ekonomiku u soċjali, poġġa lill-Ewropa fuq il-quddiem nett ta’ kif popli oħrajn ħarsu lejn x’qed jiġri madwarhom biex qalu: bħal dawn irridu nkunu.

Sport