Saturday, May 18, 2024

Ir-raġel li qatel lil martu u l-erba’ wliedu fi Franza jgħid li sema’ vuċijiet

Aqra wkoll

Raġel Franċiż ta’ 33 sena, li ammetta li qatel lil martu u lill-erba’ wliedu, qal li sema’ vuċijiet jgħidulu “biex jagħmel il-ħsara”.

It-Tlieta li għadda, il-Pulizija Franċiża qalet li arrestat raġel bi storja ta’ mard psikjatriku fuq suspett li qatel lil martu mwielda l-Ħaiti u lil uliedhom li kellhom disa’ xhur, erba’ snin, seba’ snin u 10 snin. Huma nstabu mejta fil-ġurnata ta’ qabel, f’Jum il-Milied, fl-appartament tagħhom fil-belt ta’ Meaux, fir-reġjun ta’ Île-de-France fil-Lvant ta’ Pariġi.

Ġie rrapportat li r-raġel li jaħdem bħala plumber, kien ilu jieħu t-trattament sa mill-2017 minħabba dipressjoni u mġiba psikotika.

Il-prosekutur pubbliku ta’ Meaux, Jean-Baptiste Bladier, li rrefera għar-riżultati tal-awtopsja, qal li l-omm ta’ 35 sena u ż-żewġt itfal tagħha ta’ 10 u seba’ snin kienu qalgħu “madwar għaxar daqqiet ta’ sikkina kull wieħed” u li dan sar “bi vjolenza kbira”. Iż-żewġt itfal l-oħra – ta’ erba’ snin u ta’ disa’ xhur – mietu b’asphyxia wara li sfaw mgħarrqa.

Bladier qal li s-suspettat kien iddikjara li “ma setax jiftakar x’wasslu biex jagħmel dan l-att” u li “ma ħass xejn” wara li qatel lill-familja tiegħu. Skont Bladier, is-suspettat indika li kien ilu jieħu l-medikazzjoni tiegħu ta’ kuljum mill-2019 iżda ma kienx ħa l-mediċini nhar lejlet il-Milied. 

Il-Pulizija kienu sabu l-katavri nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tad-9.00 p.m. Il-ġirien kienu qalu lill-Pulizija li semgħu biki matul il-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru.

Sport