L-Ispanjol, Carlos Alcaraz, rebaħ l-ewwel titlu tiegħu fuq il-ħaxix biex reġa’ kiseb l-ewwel post fir-rankings tad-dinja tat-tennis b’rebħa impressjonanti fuq Alex de Minaur fil-finali ta’ Queen’s.
Dan it-trijonf ta’ Alcaraz 6-4 6-4 ifisser li reġa’ għeleb lis-Serb, Novak Djokovic, fil-quċċata tal-klassifika mondjali fejn se jkun ukoll l-aqwa seed fil-Grand Slam ta’ Wimbledon li se jibda, it-Tnejn, 3 ta’ Lulju.
Alcaraz, 20 sena, li kien qed jilgħab biss it-tielet tournament tiegħu fuq il-ħaxix, rebaħ ħames titli f‘dan l-istaġun.
Bla dubju, għandu moral għoli għal Wimbledon fejn qed jimmira għall-ewwel suċċess tiegħu ta’ Grand Slam.
Fil-veritá kien hemm dubju dwar l-abbiltà ta’ Alcaraz fuq il-ħaxix fil-bidu tal-ġimgħa iżda hu ta risposta bi stil u sar favorit tal-folla bil-logħob veloċi u bil-kariżma tiegħu.
“Mindu bdejt nilgħab it-tennis, dejjem ħlomt b’dan it-tournament. Huwa speċjali għalija li nilgħab hawn u li nara ismi fuq it-trofew flimkien mal-ismijiet tal-leġġendarji.
“Tgħin ħafna li nkun l-aqwa seed f’Wimbledon. Peró ma xejn possibbli mingħajr l-appoġġ tan-nies matul il-ġimgħat ta’ dan it-tournament,” temm jgħid Alcaraz.