Saturday, December 21, 2024

Tennis: Djokovic jagħlaq is-sena fl-ewwel post tar-rankings 

Aqra wkoll

Novak Djokovic se jispiċċa s-sena bħala l-player numru wieħed tad-dinja għal rekord ta’ tmien darbiet wara li fl-ewwel logħba tiegħu fl-ATP Finals għeleb lil Holger Rune fil-Pala Alpitour ta’ Turin, l-Italja.

Iċ-champion 24 darba ta’ tournaments tal-Grand Slam, Djokovic, għeleb lid-Daniż 7-6 (7-4) 6-7 (1-7) 6-3 fil-logħba tal-ftuħ tiegħu tal-Green Group fl-avveniment ta’ tmiem l-istaġun il-Ħadd filgħaxija.

Ir-rebħa għal Djokovic testendi l-mixja rebbieħa tiegħu għal 19-il logħba konsekuttiva.

Is-Serb ta’ 36 sena rebaħ tliet Slams fl-2023 biex stabbilixxa rekord tal-irġiel ta’ 24 titlu ewlieni fil-karriera tiegħu.

Issa Djokovic jinsab fi triqtu lejn is-seba’ titlu tal-ATP Finals, li jagħmlu d-detentur tar-rekord, wara li jaqbeż it-total ta’ sitta li qed jaqsam mal-Isvizzeru llum irtirat, Roger Federer.

Sadanittant, il-bieraħ wara nofs in-nhar daħal fl-azzjoni l-Ispanjol Carlos Alcaraz, iżda huwa safa megħlub fi tliet sets ukoll meta s-seed numru 7, il-Ġermaniż Alexander Zverev għelbu 6-7 (3-7) 6-3 6-4.

Zverev ipproduċa logħba mill-aqwa tat-tennis biex tappan id-debutt taż-żagħżugħ Spanjol meta hu kien qed jagħmel is-sitt dehra tiegħu fit-tournament. 

Wara Zverev qal li s-service għenu ħafna fejn salva break point fl-ewwel game tat-tieni set. “Ma tridx tmur minn taħt set u break kontra n-numru 2 tad-dinja, għalhekk jien kuntent,” tenna Zverev. 

L-ATP Finals jinkludu tmienja mill-aqwa players tal-irġiel tas-sena maqsuma f’żewġ gruppi ta’ erbgħa, bl-aqwa tnejn jikkwalifikaw għas-semi-finali.

Il-bieraħ filgħaxija ntlagħab il-konfront kollu Russu bejn Daniil Medvedev u Andrey Rublev u llum fis-2.30 pm jilagħbu l-Grieg Stefanos Tsitsipas u Holger Rune waqt li fid-9.00 pm jidħlu fl-azzjoni ż-żewġ players li bdew’rebħa, Novak Djo­kovic u t-Taljan, Jannik Sinner.

Ekonomija

Sport