Thursday, March 28, 2024

Tennis: Iga Swiatek ir-Reġina tal-French Open

Aqra wkoll

L-aqwa seed, Iga Swiatek, saħ­qet għaliex kienet il-favorita netta tal-French Open billi għelbet lil Coco Gauff f’żewġ sets biex rebħet it-tieni titlu tagħha tal-Grand Slam.

Il-Pollakka Swia­tek, ta’ 21 sena, rebħet 6-1 6-3 f’siegħa u 13-il minuta kontra l-adolox­xenti Ameri­kana biex irreġistrat il-35 rebħa konsekuttiva tagħha – u b’hekk laħqet l-itwal sensiela tal-WTA f’dan is-seklu.

Gauff, 18-il sena, kienet qed tikkontesta l-ewwel finali maġġura tagħha li fiha kellha bidu nervuż.

Swiatek, li reb­ħet ukoll f’Roland Garros fl-2020, ħadet vantaġġ sħiħ u kompliet tirbaħ is-sitt titlu konsekuttiv tagħha.

Billi ssieltet lura minn break minn taħt fit-tieni set, Swiatek rebħet l-54 mill-aħħar 56 set tagħha.

Hija żammet ukoll is-sensiela ta’ rebħiet tagħha fil-finali, u estendiet dan ir-rekord għal disgħa wara xulxin.

Bis-sħab jiskura u bil-ħsejjes tar-ragħad fuq rashom, Swiatek ġiet żewġ punti biss bogħod mir-rebħ tal-kampjonat fejn ħadet l-ewwel wieħed meta Gauff fajret forehand fit-tul.

Wara tgħannieqa sħuna ma’ Gauff, Swiatek ħarġet barra mill-court biex tgħannaq lit-team tagħha kif ukoll lill-player eroj tal-Polonja, Robert Lewandowski, li mar jara l-finali f’ġurnata franka mid-dmirijiet tiegħu tan-Nations League.

Madankollu, iċ-ċelebrazzjonijiet kienu f’kuntrast qawwi mal-vista ta’ Gauff, li kienet imnikkta hekk kif  qagħdet waħedha fuq is-siġġu tagħha u bdiet tibki qabel poġġiet xugaman fuq rasha.

“Sentejn ilu r-rebħ ta’ dan it-titlu kienet xi ħaġa tal-għaġeb meta ma kienx mistenni,” qalet Swiatek, li temmet id-diskors tar-rebħa tagħha biex tibgħat messaġġ ta’ appoġġ lill-Ukrajna wara l-invażjoni mir-Russja.

“Din id-darba ħdimt ħafna biex nasal hawn u għamilt dak kollu li stajt, minkejja li l-pressjoni kienet iebsa.”

Min-naħa tagħha ta’ Gauff qalet: “Nixtieq nirringrazzja lit-team tiegħi. Jiddispjaċini li ma stajtx nikseb dan illum,” qalet it-18-il seed meta ġab­ret it-trofew tar-runner-up tagħha. “Grazzi lit-team tiegħi li dejjem appoġġani. Nittama li din hija l-ewwel finali minn ħafna.”

Minn Serena Williams fl-aqwa tagħha ma kienx hemm favorita daq­stant qawwija għal titlu ta’ Grand Slam tan-nisa tas-singles daqs Swia­tek.

F’bidu mill-isbaħ tal-2022, il-Pollakka rebħet ħames tournaments konsekuttivi – f’Doha, Indian Wells, Miami, Stuttgart u Ruma – u ħadet il-post numru wieħed fid-dinja tal-WTA wara l-irtirar sorpriża ta’ Ashleigh Barty f’Marzu.

Il-livelli differenti ta’ esperjenza f’dan l-istadju ta’ tournaments bejn Swiatek u Gauff – li jilagħbu fl-ew­wel finali tagħhom din is-sena – kienu evi­denti mill-bidu.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-esperjenza akbar ta’ Swiatek fil-finali – tilfet waħda biss mid-disgħa tagħha fl-ogħla livell u dik kienet l-ewwel tagħha f’April 2019 – għenet biex tikseb reb­ħa li ħafna kienu bassru qabel ma beda l-Grand Slam fuq it-tafal.

Ekonomija

Sport