Tuesday, December 24, 2024

Tennis: Novak Djokovic se jfittex lill-gvern Awstraljan għad-danni

Aqra wkoll

Novak Djokovic qed jipprepara biex ifittex lill-Gvern Awstraljan għad-danni ta’ £3.2 miljuni għal “trattament ħażin”. In-numru wieħed tad-dinja kellu l-viża tiegħu kkanċellata fil-fruntiera meta wasal għall-ewwel darba f’Melbourne aktar kmieni dan ix-xahar iżda rebaħ appell biex id-deċiżjoni tiġi annullata. Iktar tard ġie deportat meta l-Ministru tal-Immi­grazzjoni, Alex Hawke, uża s-setgħat personali tiegħu biex iħassar il-viża għat-tieni darba.

Djokovic daħal f’saga ta’ 11-il jum wara li wasal Melbourne b’eżenzjoni medika mogħtija minn Tennis Australia.

Iċ-champion disa’ darbiet tal-Australian Open ittieħed f’kamra tal-ajruport għall-interrogazzjoni matul il-lejl meta wasal tard fil-5 ta’ Jannar u kellu l-viża tiegħu kkanċellata minn uffiċjali tal-fruntiera l-għada filgħodu wara li pprovdielhom evidenza “minima” tal-eżenzjoni tiegħu.

Wara li qatta’ tmiem il-ġimgħa f’lukanda ta’ detenzjoni tal-gvern, il-player Serb rebaħ appell biex id- deċiżjoni tinbidel fuq il-bażi ta’ “ġustizzja proċedurali” wara li l-Gvern Federali ammetta li kienu nġusti meta naqsu milli jagħtu biżżejjed żmien lil Djokovic biex jipprova l-eżenzjoni tie­għu.

Djokovic tħalla jidħol liberament f’Melbourne u beda jipprattika fuq ir-Rod Laver Arena qabel ma beda t-tournament, iżda kellu l-viża kkanċellata għat-tieni darba nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra u reġa’ rritorna f’detenzjoni waqt li kien qed jistenna t-tieni smigħ tal-appell tiegħu.

Iżda l-Ħadd li għadda l-imħallfin tal-Qorti Federali kkonfermaw id- deċiżjoni tal-Ministru tal-Immigraz­zjoni, li qablu mat-talbiet tal-Ministru u ddikjaraw li “il-preżenza kontinwa ta’ Djokovic fl-Awstralja tista’ twassal għal żieda fl-anti-vaċċinazzjoni ġġene­rata fil-kommunità Awstraljana, li potenzjalment twassal għal żieda fl-inkwiet ċivili tat-tip li kien esperjenzat qabel fl-Awstralja b’rallies u protesti li huma stess jistgħu jkunu sors ta’ trasmissjoni fil-kommunità.”

Is-Serb telaq lura fuq titjira dik il-lejla stess għal Dubai u bħalissa jinsab id-dar f’Belgrad.

Issa qed jingħad li jinsab f’taħditiet mal-avukati tiegħu dwar il-kawża lill-Gvern Awstraljan, skond il-media lokali.

Il-player ta’ 34 sena qed ifittex lill-gvern għal “trattament ħażin”, jitlob għal £3.2 miljun f’danni – inkluż il-premju ta’ flus ta’ £2.3 miljuni, li kien jistenna li jieħu d-dar li kieku rebaħ l-Australian Open.

“Huwa magħruf sew li Novak u l-familja tiegħu jħossu li kien ittrattat ħażin fil-lukanda ta’ kwarantina f’Melbourne,” qal sors qrib l-aġent tiegħu, Edoardo Artladi, lill-istess media.

“Ommu żvelat kif kienet mimlija briegħed u dud. Inżamm priġunier virtwali.” L-Avukat Toma Fila ħaseb ukoll li Djokovic għandu jitlob għad-danni mingħand il-gvern, u żied jgħid: “Hu kien suġġett għal trattament umiljanti. Għandu jfittex.”

Il-ġenituri ta’ Djokovic kienu ċari meta binhom tpoġġa fil-Park Hotel wara l-ewwel kanċellazzjoni tiegħu tal-viża.

“Qed iżommuh bħala priġunier, mhux ġust, mhux uman,” qalet ommu Dijana Djokovic lill-ġurnalisti dak in-nhar. Terribbli. Akkomodazzjoni terribbli. Hija biss lukanda żgħira tal-immigrazzjoni, jekk fuq kollox hija lukanda, b’xi briegħed.

“Kollox maħmuġ u l-ikel huwa daqstant terribbli wkoll.

“X’nista’ ngħid? Ma riedu jagħtuh l-ebda ċans li jmur f’xi lukanda jew fid-dar aħjar, li hu kien diġà kera.”

Ekonomija

Sport