Wednesday, April 24, 2024

“Trid tibda diskussjoni dwar jekk il-Covid għandux jitqies bħala endemija” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

F’attività politika fiċ-Ċentru Laburista tan-Nadur, Għawdex, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar il-miżuri tal-Covid-19 li bħalissa hemm fis-seħħ u sostna li dawn il-miżuri huma ftit ħdejn dawk li kellna fix-xhur ta’ qabel u li meta mqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra, huma wkoll ftit. Min-naħa l-oħra, huwa rrikonoxxa li issa kulħadd għejja u li dawn il-miżuri mhumiex hemm għal dejjem.

Dr Abela qal li llum ninsabu f’mument fejn id-dinja tgħallmet ħafna iżjed kif tgħix waqt pandemija. Qal li d-diskussjoni li trid tibda f’pajjiżna, li bdiet ukoll f’pajjiżi oħra bħal Spanja, hi jekk nitkellmux aktar fuq pandemija jew endemija, li jfisser realtà li l-Covid tibqa’ magħna u nitrattawha bħal influwenza jew riħ.

“Dik hi d-diskussjoni li hemm f’diversi pajjiżi madwar id-dinja u hija d-diskussjoni li qed inħares lejha sabiex tibda f’pajjiżna mill-aktar fis ukoll,” qal il-Prim Ministru. Huwa qal li hekk kif pajjiżna għandu jkollna rata għolja ta’ persuni mlaqqma, issa ninsabu f’pożizzjoni li matul din il-ġimgħa se jiġi mħabbar kif mill-ewwel ġimgħa ta’ Frar, jitneħħew aktar restrizzjonijiet. “Pajjiżna jrid ikompli t-triq tal-irkupru li qabad.”

Sport