Sunday, December 22, 2024

Tennis: Spanja tiċċelebra t-trijonf rekord ta’ Rafael Nadal

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn Spanja ngħaqdet f’ċelebraz­zjoni għar-rimonta epika ta’ Rafael Nadal biex għeleb lil Daniil Medvedev fil-finali tal-Australian Open u kiseb rekord ta’ 21 titli ta’ Grand Slam.

L-Ispanjol ta’ 35 sena kiseb din il-bravura nhar il-Ħadd, xhur wara li beża’ li l-karriera brillanti tiegħu setgħet tkun mitmuma min­­ħabba sensiela ta’ problemi ta’ injuries.

“Meta xi ħadd jgħid­lek xi ħaġa li hi impossibbli, aħseb dwar Rafa,” qalet il-faċċata ta’ quddiem tal-ġurnal sportiv Marca nhar it-Tnejn.

Nadal mexa wieħed iktar mir-rivali għal żmien twil tiegħu, Roger Federer u Noval Djokovic, fuq il-lista taċ-champions ta’ kull żmien tal-irġiel tas-singles tal-Grand Slam.

“L-aqwa li qatt kien hemm,” kien it-titlu fuq AS ħdejn ritratt ta’ Nadal jitbissem iżomm it-trofew, imdawwar b’ritratti tal-20 titli l-oħra tiegħu ta’ Grand Slams (ritratt).

“L-akbar fost l-akbar,” qalet l-ewwel faċċata ta’ El Pais, il-ġurnal l-aktar popolari ta’ Spanja, filwaqt li dak sportiv Franċiż, L’Equipe, iddeskriva lil Nadal bħala “Il-marzjan”.

Kien Ħadd filgħodu twil għall-partitarji Spanjoli, b’kull stazzjon tar-radju ewlieni jxandar kummentarju dirett tal-battalja epika ta’ ħames sigħat u 24 mi­nuta mar-Russu Medvedev.

Il-logħba bdiet għall- ħabta tal-10.00 am, ħin lokali, u kompliet wara nofsinhar, bil-folol jinġabru madwar it-televiżjoni fil-bars u r-ristoranti biex jaraw lill-eroj tagħhom itemm dak li hu stess iddeskriva bħala “l-iktar trijonf improbabbli” tal-karriera tiegħu.

“Kemm int tirrappreżenta tajjeb il-valuri tal-isport, Mister Rafael Nadal,” kiteb il-midfielder Kroat ta’ Real Madrid, Luka Modric,      wi­e­­ħed mill-ħafna atleti li ħadu l-midja soċjali biex jifirħu lil Nadal.

“Eżempju ta’ karattru u rieda. Bravo, Rafa,” qal il-coach ta’ Real Madrid, Carlo Ancelotti.

“Tjubija, dan kien brutali!” kiteb l-eks champion tad-dinja tal-muturi, Marc Marquez. “X’qalb, x’mentalità, x’kollox, x’referenza int! Jien f’riġlejk!”

“Dawk il-21 titlu m’huma xejn meta mqabbla mal-wirt li tibqa’ tibni jum wara l-ieħor,” kiteb l-eks champion tad-dinja tal-basketball, Pau Gasol, dwar il-ħabib tiegħu.

“Ħsibt li rajt kollox iżda dan ir-raġel ikompli jurina li aħna żbaljati,” qal emozzjonat l-eks numru tnejn fid-dinja, Alex Corretja, wara li Nadal kiseb ir-rebħa.

Anke r-Re ta’ Spanja feraħ lil Nadal. “Rafa, qed nispiċċaw bla kliem sabiħ x’ngħidu. M’hemmx ostakli għal min m’għandux limi­tu,” huwa qal.

Ekonomija

Sport