Tuesday, April 30, 2024

Snowboarder Maltija se tieħu sehem fl-Olimpjadi tax-Xitwa

Aqra wkoll

Is-snowboarder Maltija/Amerikana, Jenise Spiteri, se tkun qed tikteb l-istorja tal-isport Malti hekk kif se tikkompeti fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa li se jsir f’Beijing proprju matul dan ix-xahar. 

Hija attiva ħafna fuq il-mezzi soċjali permezz ta’ diversi vlogs u blogs li tagħmel fuq You Tube, Instagram u Facebook fejn tesprimi n-namra tagħha għall-Isnowboarding li issa sar prattikament ix-xogħol proprja tagħha.  

Hija tikkompeti fil-kategorija Half-Pipe f’dan l-isport fejn tieħu bis-serjetá dan kollu, dejjem sa­biex ittejjeb il-livell tagħha.

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn is-snow-boarding?  

In-nannu tiegħi kien assoċjat sew mas-silġ hekk kif saħansitra waqqaf kum­panija tal-Ice Skating.

Kien proprju hawn li jien kont tħajjart nibda nipprattika dan l-isport u tista’ tgħid li minn hemm  qatt ma ħarist lura. 

Kont nitgħaxxaq meta diversi ġurnalisti sportivi kienu jiġu għand in-nannu tiegħi sabiex jagħmlu intervisti mhux biss lili iżda wkoll lis-snowboarders kol­lha li bdew jagħmlu isem għalihom infushom u għal pajjiżhom.  

Iktar m’għadda ż-żmien, iktar bdejt nieħu dan l-isport b’serjetá kbira tant li wara li spiċċajt mill-iskola, iddeċidejt li nintefa’ b’ruħi u ġismi fuqu. 

Kien kamp ta’ taħriġ li sar fl-Istati Uniti stess li ċċarali aktar l-ideat tiegħi sabiex nintefa’ litteralment full-time fuq dan l-isport.

It-taħriġ beda jsir intensiv, il-ħiliet tiegħi bdew jitjiebu sew u llum il-ġurnata nista’ ngħid li sirt atleta f’dan l-isport xitwi tant par­tikolari.  

X’inhi l-konnessjoni eż­a­t­­­­­­­­ta tiegħek ma’ Malta? 

In-nannu u n-nanna tiegħi huma Maltin. Nannuwi kien jaħdem il-Ħamrun ġo ħanut taż-żraben fejn mhux darba jew tnejn li kien isewwi xi żarbun ukoll. 

Kellu l-ħanut fi Triq Qormi fejn kien imfittex ħafna dak iż-żmien u ftit taż-żmien ilu meta kont Malta ħadt ritratt qud­diemu. 

Madankollu malli bdiet il-gwerra, is-sitwazzjoni saret diffiċli iktar u iktar wara dik il-ħerba kollha li seħħet. 

Bħal kull Malti ieħor, ix-xogħol kien qed ikun problema u għalhekk ħafna bdew jemigraw lejn pajjiżi oħra fosthom il- Kanada, l-Awstralja u l-Is­tati Uniti. 

In-nanniet tiegħu għażlu dan l-aħħar pajjiż anke għax sabu lill-kuġin tagħ­hom minn San Francisco li għenhom ħafna biex jibnu ħajja ġdida. 

In-nannu tiegħi kien il-mimmi ta’ għajnejja u spiss kont inkun miegħu anke meta fetaħ il-kum­panija fejn hemmhekk trawwimt għal dan l-ambjent uniku.  

Kif qed tipprepara għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa f’Beijing?

Il-ħolma tiegħi kienet dejjem dik li nipparteċipa fil-Logħob Olimpiku tax- xitwa u wara tmien snin ta’ taħriġ kontinwu u sagrifiċ­ċji, ftit tal-jiem oħra se nkun qed naqta’ xewqti proprju fiċ-Ċina eżattament fil-belt kapitali, Beijing. 

Wara li segwejt dan il-logħob għal ħafna snin, issa wasal iż-żmien li nwettaq dak li dejjem ħdimt għalih. 

Fuq kollox kburija li se nkun qed nirrappreżenta l-pajjiż fejn twieled in-nannu tiegħi. B’xorti ħażina ma kellux jarani nikkompeti għal Malta minħabba li ħalla din id-dinja ftit tas-snin ilu għalkemm naf li minn hemm fuq jinsab kburi b’dak li se nkun qed nagħmel. 

B’xorti ħażina, kelli nittardja din il-parteċipazzjoni meta fis-sena 2018 kont ferm viċin li nipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ dak iż-żmien iżda kelli nibqa’ barra minħabba li ħassejt uġigħ f’irkoppti. 

F’dawn l-aħħar jiem, kont qed nitħarreġ bis-serjetá fuq il-muntanji bejn l-Awstrija u l-Isvizzera sabiex inkun tajba biżżejjed għal dawn il-logħob. 

L-Isvizzera hu post fejn sibtu tajjeb sabiex nagħmel is-sessjonijiet tat-taħriġ tiegħi bl-aqwa mod min­ħabba li hemm muntanji li jagħmlu d-dixxiplina tie­għi waħda ideali. 

Fl-istess waqt hemm ħafna xebħ bejn dak li se nsib f’Beijing u għalhekk qed nipprepara b’reqqa għal kull dettall sabiex il-wirja tagħha tkun waħda tajba.

Kif tipprepara ruħek kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament qabel xi kompetizzjoni importanti?

Nipprepara b’mod taj­jeb kemm psikoloġikament kif ukoll fiżikament qabel ma nagħmel il-wirja tiegħi fis-silġ. 

Nibda nimmaġina dak li nkun se nagħmel, naħseb sew fuq ċerti movimenti li nkun irrid inwettaq sabiex mentalment inkun iffukata. Mill-banda l-oħra,  nipprepara ruħi fiżikament permezz ta’ stretching taj­jeb u aktar eżerċizzji. Imbagħad, trid temmen fil-potenzjal tiegħek sabiex tasal fejn tixtieq! 

Wara li jgħaddu dawn il-Logħob, se jkun hemm ambizzjonijiet u objettivi oħ­rajn għalik? 

Bla dubju, li jekk sportiv ma jpoġġix xi tip ta’ ambizzjonijiet, ma jkunx jista’ jevolvi u fuq kollox itejjeb il-livell tiegħu. 

Jien għad fadalli ħafna objettivi, wieħed fosthom hu dak li nipprova tipi oħra ta’ sport fuq is-silġ, ‘l hekk imsejħa Big Mountain li hi waħda estrema iżda li nista’ nagħmilha. 

Apparti minn hekk, irrid inkompli nieħu pjaċir nipprattika dan l-isport għax mingħajr dan l-element, żgur li titlef kull interess.” 

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jimbarkaw fuq karriera ta’ suċċess fl-isport? 

L-ewwel u qabel kollox, kif għadni kemm għidt importanti li tieħu pjaċir tipprattika l-isport li tħobb.

Dejjem poġġi objettivi personali u qatt tikkuntenta b’dak li għandek iżda pprova itlob aktar minnek innifsek sabiex tasal aktar ‘il bogħod. 

Importanti li jkollok ħajja sana u bilanċjata sabiex tirnexxi aktar. Mill- bqija mur u ħu pjaċir.

Nittama li bil-parteċipazzjoni tiegħi fil-Logħob Olimpiku tax-xitwa f’Beijing, inkun nista’ nispira xi sportiv Malti jew Maltija sabiex jinvolvi ruħu jew ruħha f’xi sport tas-silġ.

Għalkemm meta nitkellem ma’ diversi persuni Maltin li jgħiduli li fil- Gżejjer Maltin ma jinżilx silġ, jien ngħidilhom li lanqas jien ma kbirt f’dan l-ambjent iżda ma qtajtx qalbi …. ħriġt minn dak l-ambjent  u mort nimraħ x’im­kien ieħor u issa qie­għed jiem biss bogħod milli nipparteċipa f’wieħed mill-aqwa avvenimenti ta’ sport xitwi! 

Sport