Thursday, April 18, 2024

Greenwood arrestat għat-tieni darba fuq suspett ta’ attakk sesswali u theddid ta’ qtil

Aqra wkoll

Il-player ta’ Manchester United, Mason Greenwood, ġie arrestat fuq suspett ta’ attakk sesswali u li għamel theddid ta’ qtil.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena ġie arrestat fuq suspett ta’ stupru u attakk nhar il-Ħadd.

Il-Pulizija ta’ Greater Manchester (GMP) qalet li ngħatat aktar żmien biex jiġi interrogat qabel kien ingħata estensjoni nhar it-Tnejn.

Manchester United qalu li huwa mhux se jilgħab mal-club qabel avviż ieħor.

Il-GMP qalet li l-player ġie arrestat il-Ħadd wara li l-pulizija “saret konxja ta’ immaġini u filmati fuq il-media soċjali onlajn mibgħuta minn mara li rrapportat inċidenti ta’ vjolenza fiżika”.

Qalet li l-maġistrati kienu taw it-tieni estensjoni biex il-player jinżamm taħt arrest sal-Erbgħa.

Kelliem għall-pulizija qal li l-inkjesti kienu għaddejjin u mara kienet qed tiġi “offerta appoġġ speċjalizzat”.

Intant, l-iżviluppatur tal-video games EA Sports qal li l-attakkant kien tneħħa mill-prodotti tal-FIFA.

Fi stqarrija ntqal li Greenwood tneħħa mill-iskwadri attivi fil-FIFA 22 u wkoll sospiż milli jidher fil-pakketti tal-FIFA Ultimate Team u l-Ultimate Draft.

Dan filwaqt li d-ditta tal-ilbies sportiv Nike qabel qalet li ssospendiet ir-relazzjoni tagħha ma’ Greenwood.

“Aħna mħassba ħafna bl-allegazzjonijiet inkwetanti u se nkomplu nissorveljaw is-sitwazzjoni mill-qrib,” qal kelliem għal din id-ditta.

Greenwood, li ddebutta ma’ Manchester United f’Marzu 2019, iffirma kuntratt ta’ erba’ snin fi Frar 2021 wara li tela’ fil-gradi tal-akkademja tal-istess club.

Nhar il-Ħadd Manchester United qalu li l-club “ma japprova l-ebda tip ta’ vjolenza” u kien sar jaf bl-allegazzjonijiet iżda ma kienx se jagħmel aktar kumment sakemm il-“fatti jkunu ġew stabbiliti”.

Fi stqarrija ulterjuri, il-club qal li “jtenni l-kundanna qawwija tiegħu ta’ vjolenza ta’ kull tip”.

“Kif ikkomunikat qabel, Mason Greenwood mhux se jitħarreġ ma’, jew jilgħab għall-club qabel avviż ieħor,” żied kelliem għall-club.

Ekonomija

Sport