Monday, August 3, 2026
Home Barranin Tewmin imwaħħlin minn rashom separati f’żewġt itrabi b’saħħithom f’operazzjoni ta’ madwar 24...

Tewmin imwaħħlin minn rashom separati f’żewġt itrabi b’saħħithom f’operazzjoni ta’ madwar 24 siegħa

0
704

Tewmin li twieldu mwaħħlin flimkien minn rashom ġew separati minn xulxin f’operazzjoni ta’ madwar 24 siegħa.

Abigail Bachinskiy u oħtha Michela li għandhom għaxar xhur issa m’għadhomx maqgħdin ħaġa waħda mill-kranju, inkluż l-moħħ u dan grazzi għall-operazzjoni kkumplikata ħafna li kienet tirrikjedi l-esperjenza u l-kapaċità tal-professjonisti. L-operazzjoni li kienet meqjusa bħala suċċess seħħet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’Sacramenti f’Kalifornja.

Dr Michael Edwards qal li dawn il-każi ta’ trabi mwaħħlin hija xi ħaġa rari, iżda sfortunatament aktar rari minn hekk hija dawk li wara t-twelid jiġu separati f’żewġt itrabi b’saħħithom.

L-omm rrakkuntat dwar ix-xokk tagħha meta ngħatat l-aħbar li fil-ġuf kellha żewġt itrabi mwaħħlin, u faħħret lil żewġha li kien ta’ sostenn kbir f’din l-aħbar xokkanti.

It-trabi issa se jkunu qed iqattgħu xi ġimgħat fit-taqsima tal-kura intensiva fejn se jinżammu taħt osservazzjoni minħabba li t-tobba stess ammettew li għad hemm ħafna li mhuwiex magħruf dwar tali operazzjonijiet.

L-omm kkonkludiet tgħid li hi temmen li kollox se jmur tajjeb u li għalkemm m’hemmx kliem biex tiddeskrivi l-kapaċità ta’ dawk kollha involuti, issa kollox jinsab f’idejn Alla.