Saturday, May 4, 2024

Remake tajjeb ta’ thriller romantiku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Last night I dreamt I went to Manderley again.”  Hekk jibda r-rumanz klassiku ta’ Daphne du Maurier li kien ippubblikat fl-1938.  Tista’ tgħid li kull min adatta dan ir-rumaz għal fuq l-iskrin, hekk beda ukoll, inkluż wieħed mill-isbaħ films ta’ Alfred Hitchcock, li fl-1940 kien l-ewwel wieħed tiegħu f’Hollywood u l-uniku wieħed li rebaħ l-Oscar għall-aħjar film.

Forsi għalhekk mhix sorpriża li minn żmien għall-ieħor, dan ir-rumanz jerġa jsib ruħu quddiem il-cameras.

Wieħed ikun inklinat li jipprova jaħmel paragun bejn il-film ta’ Hitchcock u din il-verżjoni ġdida.  Imma rrid nibda biex ngħid li kemm id-direttur Ben Wheatley kif ukoll it-tim ta’ scriptwriters ma jippruvawx jagħmlu remake sinċiera.  IL-verżjoni l-ġdida aktar tipprova tadatta l-istorja għall-gosti tal-udejnza moderna u anke terġa ddaħħal dawk l-elementi li Hitchock bilfors kellu jħalli barra minħabba ċ-ċensura riġida għal fuq l-iskrin ta’ 80 sena ilu.

L-istorja ddur fuq tfajla li qatt ma nkunu nafu x’jisimha.  F’din il-parti naraw lil Lily James.  Hi tkun f’Monte Carlo, isservi l-mara qażħa anzjana Mrs. Van Hopper (Ann Dowd).  Il-preżenza tat-tfajla fl-istess lukanda mas-sinjurun u armel Maxim de Winter (Armie Hammer) tkun waħda providenzjali.  Mal-ewwel daqqa t’għajn lejn xulxin, l-imħabba bejniethom tfiġġ u wara li jiżżewwġu f’qasir żmien, Maxim jieħu lil Mrs de Winter fid-dar enormi u lussuża ta’ Manderley, biswit l-irdumijiet ta’ Cornwall.   

Minkejja li hemm imħabba, ir-relazzjoni bejniethom tibda titnawwar minħabba il-figura dominanti li tipproġetta l-governanti ta’ Manderly, Mrs. Danvers (Kristin Scott Thomas, f’wirja eċċellenti).  Mrs Danvers tfakkar il-ħin kollu lil Mrs de Winter b’dak kollu li hu assoċjat ma’ Rebecca, il-mejta u l-ex-mara ta’ Maxim.

Mhemmx fatati f’“Rebecca” (Netflix: 15).  Anqas mhemm bibien jissabtu jew mirja jinkisru.  Il-film hu studju psikoloġiku ta’ in-nuqqas ta’ sigurtà li wieħed iħoss meta jsib ruħu jrid jidħol fiż-żarbun ta’ ħaddieħor.  Jekk qatt ma qrajt il-ktieb, jew qatt ma rajt film msejjes fuq dan ir-rakkont, il-film iħallik inċert għall-ħafna ħin fejn ser jieħduk bosta dettalji.  Wara tliet kwarti tal-film tasal ir-rivelazzjoni li tibda tgħaqqad ħafna trufijiet: Maxim kellu sehem fl-għibien ta’ Rebecca.   

The Craft: Legacy

Dan hu stand-alone sequel għall-film “The Craft” li hawn Malta kien ħareġ għall-wiri f’Jannar, 1997.

Ħadd mill-cast oriġinali mhu preżenti fil-film il-ġdid bil-kast jinkludi wkoll l-ismijiet ta’ żewġ atturi magħrufa: Michelle Monaghan u David Duchovny.  

Il-formula tibqa’ l-istess: grupp ta’ studenti f’high school jiffurmaw klikka ta’ sħaħar nisa.  Hannah (Cailiee Spaeny) tagħmel ħbieb ma’ tlieta oħra, u malajr issir ir-raba’ membru tal-klikka. Hannah ma ddumx ma tintebaħ li ġġib qawwa akbar lil dan il-kwartett ta’ sħaħar adolexxenti u jiksbu aktar minn dak li ħasbu.  

Meta kien qed jinħadem f’Toronto, id-direttur Zoe Lister-Jones għamlet użu mis-saħħara lokali Kanadiża Aerin Foegel.  Dan għax id-direttur riedet li jipprattikaw fil-fatt ritwali b’mod awtentiku. Is-saħħara kienet ukoll ta’ għajnuna fil-ftuħ u l-għeluq taċ-ċrieki.  Minħabba li l-maġija hi reali f’“The Craft: Legacy” (Sony: 15), id-direttur riedet tiżgura li kulħadd iħossu sikur fl-isplużjonijiet li jkunu qed iseħħu.

The Other Lamb

Films dwar kulti reliġjużi kienu rari sa ftit tas-snin ilu.  Issa qed ikollna aktar.  Wieħed minn dawn il-films hu “The Other Lamb”.  Dan hu l-ewwel film maħdum bil-lingwa Ingliża mid-direttur Pollakka Malgorzata Szumowska.

Viżwalment sabiħ, imma jiżviluppa bil-mod.  Finalment il-messaġġ hu li mhix idea tajba li grupp ta’ nisa isegwu b’mod għami dak li jgħidilhom raġel wieħed.  Fil-parti tar-ragħaj naraw lill-attur Michiel Huisman (li rajnih f’“Game of Thrones”). 

Il-film jiffoka fuq iż-żagħżugħa Selah (Raffey Cassidy).  Ommha mietet waqt it-twelid tagħha.  Hija tkun il-favorita tar-ragħaj, minħabba l-‘puritá’ tagħha.  Għalkemm ftit li xejn hi konxja minn valuri sekulari oħra, Selah tibda tiddubita minn dak kollu li jkun jiġri f’din il-komunitá.

Il-film hu l-vjaġġ ribelli ta’ din it-tfajla li tibda tara kemm ir-rgħaj hu fallibbli.  Żjara mill-forzi tal-ordni jagħtu x’jifhem li anke r-residenza tagħhom hi illegali.

Dan il-film ser ikun qed jintwera fi Spazju Kreattiv il-Belt.

Sport