Yanika Cuschieri minn Birkirkara li għandha 27 sena, ġiet mixlija li fi 22 ta’ Marzu li għadda serqet portmoni li fih kien hemm madwar €1,000.
It-tfajla li qalet li ma taħdimx allegatament wettqet din is-serqa minn supermarket f’Buġibba.
Il-persuna li saret is-serqa fuqha hija klijenta tal-istess supermarket. Hi sostniet li kienet għada kemm ġibdet il-flus mill-ATM. Il-mara qalet fil-Qorti li meta marret biex tħallas u refgħet il-basket mill-art intebħet li l-portmoni ma kienx għadu hemm.
Il-vittma tas-serqa qalet li hija għandha parti mit-tort għax qatt ma messa ħalliet il-basket mal-art. Hija qalet li għarfet lill-akkużata, iżda ma rathiex tieħu l-portmoni.
Min-naħa tiegħu s-Surġet Matthew Calleja qal li wara li daħal rapport ta’ serqa kien mar is-supermarket u ra l-filmati tas-CCTV. Xehed li baqa’ sejjer id-dar tal-akkużata li tgħix qrib sew tal-istess supermarket u hemm sab il-portmoni.
Cuschieri tressqet quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’ċitazzjoni bil-każ se jkompli jinstema’ fid-19 ta’ Jannar li ġej.