Tuesday, April 30, 2024

ARA: “Dawk li serquli l-karozzi ma jixirqilhomx iħallu timbru ta’ kriminalità fuq poplu tal-ġenn”

Is-sewwieq Ingliż Sean Prout jesprimi x-xewqa li ssir ġustizzja biex ikun jista’ jirritorna pajjiżu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Pajjiżna fl-aħħar jiem kien qiegħed jilqa’ lis-sewwieq Ingliż Sean Prout – sewwieq ta’ fama internazzjonali li għażel li jsuq il-karozza ’Smurf’, li biha dar numru ta’ pajjiżi, issa anke f’pajjiżna. Madanakollu huwa spiċċa jagħmilha fuq l-aħbarijiet lokali kif ukoll internazzjonali wara li l-karozza tiegħu nsterqet minn Ħal Far proprju ftit sigħat qabel kellu jitlaq minn pajjiżna lura lejn l-Ingilterra. Talk.mt iltaqa’ mas-sewwieq fejn tkellimna dwar dan kollu inkluż il-possibbiltà li nerġgħu narawh f’pajjiżna. 

YouTube video
Filmati: Alan Saliba

“Il-Maltin tal-ġenn u l-passjoni li għandhom għall-karozzi hija xi ħaġa li minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, ma ssibhiex f’postijiet oħra. Postijiet oħra se ssib ħafna iktar dilettanti u karozzi, iżda għall-Maltin, il-karozzi tagħhom għalihom qishom sagri u jitrattawhom qishom it-trabi tagħhom”.

Kellimna wkoll dwar kif il-Maltin irnexxielhom jagħmluhielu possibbli biex isuq minkejja diversi intoppi fuq it-trakka. Sa mill-ewwel jum, Prout marritlu l-gearbox u kienu l-Maltin li minn ħinhom u minn buthom għażlu li jaqalawhielu, joħduha jsewwuha u saħansitra jissetjawhielu biex ikun jista’ jsuq. L-għada marlu t-turbo u s-sewwieq li kellu jsuq kontrih l-għada offrielu turbo kompletament bla ħlas biex ikun jista’ jsuqlu. L-aħħar ġurnata l-karozza spiċċat ma tinstaqx, iżda fid-dawl ta’ dan kollu, għal Prout li seta’ jsuq mill-inqas ġirja waħda biha, jaf biss lil dawn il-Maltin li għenuh biex igawdi farka mill-intrigu kollu biex seta’ jagħmel dan. 

Minn fejn bdiet il-karozza ‘Smurf’

Il-proġett tal-karozza ‘Smurf’ beda f’perjodu fejn kien qiegħed ibati finanzjarjament. Kien hemm żmien fejn kellu karozzi veloċi, iżda minħabba episodju li jħossu skomdu jerġa’ jqajjem, kellu jitlifhom kollha u spiċċa fi kriżi finanzjarja. Dak iż-żmien kien ħaddiem u kellu jdur għal karozza li ma kinitx tiswa ħafna. Mistoqsi għalfejn proprju Honda, Prout qalilna li kulma kienet swietu kienet $2,200 u kellu ċ-ċans li jħallasha fix-xahar.

YouTube video

“Tagħtni l-libertà lura, l-imħabba lura għall-karozzi u biex insuq”. Damet biss ftit xhur fit-triq u ddeċidejt li nsegwi l-ħolma tiegħi”, spjega ma’ Talk.mt Prout filwaqt li rrakkonta dwar l-ewwel darba tal-karozza fi trakka u li minn hemm iddeċieda li din il-karozza kellha tiġi trasformata fi drag car. Minn hemm beda dak li d-dilettanti jsejħu bħala ġenn biex din il-karozza jieħdu l-potenzjal minnha. Bdew biex daru għat-tapizzerija u żarmaw ġewwa minbarra l-affarijiet minimi li kellhom bżonn biex il-karozza tibqa’ legali biex tinstaq fit-triq.

Qalilna li kien isuq lejn it-trakka li kienet madwar tliet sigħat bogħod mid-dar triegħu u ovjament ma kinitx xi ħaġa komda biex issuq dawk id-distanzi ġol-karozza f’dak l-istat. Madanakollu r-riżultati bdew ġejjin u b’din il-karozza rnexxielhom jiksbu l-aqwa ħin fl-Ewropa taħt il-kategorija ‘Stock Honda EP3’ f’ħin ta’ 10.8 sekondi u veloċità ta’ 183 mil fis-siegħa u minn hemm inbidel kollox.

“il-karozza kienet waħda li kont naffordja dak iż-żmien għax stajt inħallasha fix-xahar”

Sean Prout

Iddeċidew li l-karozza kellha tibqa’ tikber. Il-karozza inbidlet f’lewn blu tixgħel u xi ħadd li lanqas hu ma jiftakar min kien, ħarġitlu minn fommu l-frażi ‘din il-karozza għandha kulur partikolari, smurf blu’, u minn hemm ġie l-isem ‘Smurf’ u l-karozza llum il-ġurnata hija miksija bi stickers relatati. L-investiment fuqha għadu għaddej u s-sewwieq jistma’ li s’issa l-modifiki fuqha jammontaw għal madwar €100,000.

“Mhux fi stadju li nagħti l-kelma, imma n-nies t’hawn tal-ġenn”

Mistoqsi jekk jitħajjarx jirritorna minkejja l-esperjenza biex ngħidu hekk qarsa li kellu f’Malta, Prout qal li fil-mument diffiċli biex iwieġeb. Madanakollu, minkejja l-episodju ikrah tal-karozza tiegħu li nsterqet minn Ħal Far fi stat li lanqas biss kienet tinstaq minħabba ħsara li sofriet waqt it-tlielaq, ir-rispons tal-Maltin kienet xi ħaġa impressjonanti. 

Qalilna dwar kif ħafna Maltin, ta’ kull età minn kull qasam, spiċċaw jieqfu maġenbu meta sab il-karozza u jifirħulu daqslikieku kien il-mument tagħhom. Prout qal li għalkemm fil-midja kien hemm min spikka dwar is-sejba ta’ ‘Smurf’, kien hemm għexieren ta’ Maltin li lanqas biss jgħixu dan l-isports, li taw il-ħin tagħhom, għenu minn wara l-kwinti, u talbu huma stess li ma jissemmewx. Is-sewwieq Ingliż sostna li għalkemm ħafna kienu rrabjati u ddispjaċuti immens għal dak li ġara anke minħabba l-possibbiltà li dan l-episodju jibqa’ tibru ikrah fuq pajjiżna għall-bqija tas-snin, mhuwiex il-każ. 

“Dan l-episodju ikrah ma jagħtix stampa tal-poplu Malti … naprezza immens”

Sean Prout

Sostna li l-mijiet ta’ messaġġi li rċieva, b’persuni jiskużaw ruħhom f’isem min seraq il-karozza kienu tant li ma setax ikompli jaqrahom u li sa dakinhar li nstabet il-karozza stess, nies li qatt ma rawh offrewlu li jiħdulu kafè jew xi ħaġa biex jitrejjaq sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet.

Rigward is-sejba huwa qalilna li hemm ħafna nies involuti inkluż persuna li tat indikazzjoni sa mill-ewwel ġurnata li l-karozza kienet f’Birkirkara tant li minn hemm hu u t-tim tiegħu ċċaqilqu u krew residenza hemm biex ikomplu bit-tfittxija huma. Issa li nstabet, u li nstabet proprju fit-triq, huwa qal ma’ dan is-sit li jixtieq ħafna jgħid mod ieħor, imma qiegħed isibha diffiċli biex jadatta għal dan il-proċess li sfortunatament jidher li se jieħu fit-tul. Filwaqt li rringrazzja lil dawk l-uffiċjali li kkoperaw huwa esprima x-xewqa li l-affarijiet isiru b’pass eħfef biex hu jkun jista’ jirritorna ma’ familtu u jkompli bix-xogħol tiegħu li ħalla biex jiġu f’pajjiżna.

“Bla ebda dubju, nista’ nserrħilkom raskom li dan l-individwu, tnejn, tlieta jew kemm kienu, ma jixraqlux li jħalli dan it-timbru fuq pajjiż meraviljuż bħal Malta. Ħarsu ’l quddiem u kunu kburin b’dan li intkom u dak li għandkom!”, temm jgħid magħna Prout.

Sport