Tuesday, May 21, 2024

Għall-ewwel darba pajjiżna se jidħol b’mod intensiv fis-settur tas-sajd

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tgħid li din hija ħolma li qed issir realtà

Aqra wkoll

“Il-proċess ta’ konsultazzjoni li nedejna nhar it-Tnejn, huwa l-ewwel darba li Gvern Malti ser jidħol b’mod daqshekk intensiv, olistiku u komplet fis-settur tas-sajd. Bħala studenta, riċerkatriċi, u eks-Direttur tas-Sajd, minn dejjem kont noħlom li ser tasal din il-ġurnata, u llum saret realtà.”

Tennet dan is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, Segretarju Parlamentari għas-Sajd u l-Ħarsien tal-Annimali, f’kumment lil Talk.mt

Dan wara li nhar it-Tnejn li għadda, il-Gvern nieda skeda ta’ 43 laqgħa ta’ konsultazzjoni differenti bejn Novembru u Mejju tal-2023, bil-għan li tinħoloq għall-ewwel darba Strateġija Nazzjonali komprensiva għas-sajd.

“Minn dejjem ħassejt l-bżonn li nisimgħu mill-qrib lis-sajjieda. Ser naħdmu flimkien, biex nassiguraw sostenibbilita kemm ambjentali, għall-għajxien tas-sajjieda tagħna, u fl-aħħar nett għall-konsumatur Malti”, kompliet is-Segretarju Parlamentari.

Bugeja Said saħqet kif kwalunkwe riforma fil-qafas legali u politiku li jindirizza dan is-settur, għadu jkun xprunat fuq il-ħidma xjentifika li diġa saret, kif ukoll il-vuċi tas-sajjieda kollha f’pajjiżna. “Nirrikonxxi li fis-settur tas-sajd, jeżisti kalejdoskopju ta’ varjetà fil-bżonnijiet, l-aspirazzjonijiet u l-isfondi soċjo-ekonomiċi tas-sajjieda tagħna.”

Bugeja Said temmet tgħid li importanti li l-ebda sajjied ma jitħalla jaqa’ lura u stiednet lil kull persuna involuta f’dan is-settur biex jinvolvi ruħu waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni. 

Sport